Tliet films ġodda għal din il-ġimgħa

MISS BALA, The Aftermath u All Is True...minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema

MISS BALA.

Atturi Ewlenin: Gina Rodriguez; Ismael Cruz Cordova; Anthony Mackie; Thomas Dekker; Matt Lauria; Aislinn Derbez; Cristina Rodlo.

Direttrici: Catherine Hardwicke.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 104 min.

Ċert. 15

L-ewwel kwarta ta' Miss Bala ittik l-impressjoni li dan hu film dwar kompetizzjoni ta' sbuħija u l-immanuvrar bejn il-kompetituri għas-suċċess. Il-fatti huma ħafna ’l bogħod minn hekk. Dan hu thriller mimli azzjoni u eċitament, ambjentat l-aktar fil-Messiku, avventura eżileranti bbażata minn fuq produzzjoni Messikana, b'attriċi Latina/Amerikana bħala l-protagonista. Gloria Fuentes (Rodriguez) li toqgħod Los Angeles tmur iżżur lill-ħabiba Spanjola tagħha, Sużu (Rodlo) f'Tijuana, il-Messiku. Hi trid tgħinha biex tidher attraenti u preżentabbli ħalli tirbaħ kompetizzjoni lokali tas-sbuħija. Meta dawn ikunu jieħdu pjaċir f'disco lussuż, grupp ta' kriminali ta' kartell tad-droga jinvadu hemm. Fil-konfuzjoni, Suzu tintilef u Gloria tkun maħtufa minn Lino (Cruz Cordova), il-kap li jwegħda li se jfittex lil ħabibtha. basta tagħmillu pjaċir. Minn hawn il-quddiem jibdew serje ta' ntriċċi, ta' tradimenti u anki ta' gwerra bejn żewġ għaqdiet ta' kriminali li jiddominaw il-belt. Gloria ssib dak il-kuraġġ li qatt ma bassret li tippossedi biex iġġeled lil dawn il-potenti. Miss Bala għandu l-ingredjenti kollha biex jogħġob lil dawk li jħobbu films ecitanti tal-azzjoni. Fil-parti ewlenija, Gina Rodriguez tidher tajba ħafna meta tkun taħt pressjoni, minaċċja u biża' li se tinqatel, però ftit timpressjona meta tidħol fl-azzjoni sfrenata. Film stilizzat li jserraħ l-għajnejn b'attriċi ħelwa u simpatika li meta ssib il-kuraġġ meħtieġ tidher bħal ħuta barra mill-ilma.

The Aftermath.

Atturi Ewlenin: Keira Knightley; Jason Clarke; Alexander Skarsgaard; Martin Compston; Kate Phillips; Flora Thiemann.

Direttur: James Kent.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 108 min.

Ċert 15.

The Aftermath , film ta' ċertu lussu, b'fotografija li tpaxxi l-għajn, hu ambjentat f'Amburgu nofsha mġarrfa, il-Germajna, ħames xhur wara li l-Alleati rebħu t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan id-dramm jaqleb f'melodramma tipika tas-snin ħamsin kif kienet diretta minn Douglas Sirk. Mill-ferrovija tinżel Rachael Morgan (Knightley), fl-eqqel tax-xitwa, biex tingħaqad ma' żewġha Lewis (Clarke), kurunell Brittraniku li tgħabba bir-responsabilità li jibni mill-ġdid din il-belt li tinsab f'rovina sħiħa. Meta dawn imorru fid-dar ġdida tagħhom, Rachael tiskanta meta ssir taf li huma se jkollhom jabitaw fl-istess dar fejn jgħixu Stefan Lubert (Skarsgaard), armel u bintu Freda (Thiemann), li tinsab imħawwda wara l-mewt ta' ommha bil-gwerra ftit qabel. F'din l-atmosfera splussiva se tinbet rivalità' kbira flimkien ma' dulur, passjoni u ngann. The Aftermath hu xogħol eleganti, b'reċtar solidu li jiżvolġi f'film romantiku u drammatiku ta' trianglu romantiku. Il-problema tan-neo Nazismu tissemma' wkoll, b'xi azzjoni, imma mhux indirizzata biżżejjed. Il-perjodu hu maqbud perfettament, b'Keira Knightly stravaganti fl-ilbies addattat li tilbes u li sikwit tbiddel. L-istorja ta' dan il-film tal-awtur Rhidian Brook ippubblikata fl-2013, li saret best seller internazzjonali, ġiet b'xi mod ispirata mill-esperjenzi ta' nannuh stess, il-Kurunell Walter Brook, wieħed mill-uffiċjali Brittaniċi mibgħuta lejn il-Ġermanja biex jerġgħu jġibu dan il-pajjiż fuq saqajh wara snin ta' ħerba u mewt. Xi sekwenzi tal-maktur ma jonqsux!

All Is True.

Atturi Ewlenin: Kenneth Branagh; Judi Denċh; Jack Colgrave Ħirst; Eleanor De Rohan: Flora Easton; Freya Durkan; Ian McKellen.

Direttur: Kenneth Branagh.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 101 min.

Ċert. 12A

Wieħed mill-aqwa kittieba li qatt eżistew kien, bla dubju ta' xejn, William Shakespeare. Meta fl-1613 it-teatru Globe nħaraq totalment, minħabba kanun li spara żmerċ waqt wirja tiegħu ta' Henry VIII, dan id-dramaturgu qatt iżjed ma' kiteb u tliet snin wara miet. L-isem tal-film All Is True jirreferi għat-titlu alternattiv ta' din ir-reċta. Shakespeare, wara, imur lura lejn Stratford għalkollox biex jgħaddi l-aħħar snin tiegħu rtirat fil-paċi ma' martu, Anne Hathaway (Dench). Issa, mhux attiv ħlief għal xi xogħol ħafif fil-ġnien tiegħu, jimtela b'imrar kbir jiftakar fil-mewt tragika ta' ibnu Hamnet, 17-il sena qabel fl-età' ta' 11-il sena. Martu wkoll tinsab fi stat ta' animazzjoni qisha tilfet kull interess fil-ħajja. It-tifla tiegħu Judith (Durkan) baqgħet xebba u tinsab irrabbjata mingħajr skop, waqt li oħtha Susanna (Easton) li hi miżżewġa, tinsab mifnija bl-inkwiet. Dawn iż-żewġ ulied inisslu taqlib soċjali għal missierhom li, minkejja l-fama tiegħu, jixtieq jibqa' rispettabbli mal-pubbliku. All Is True hi produzzjoni xi ftit oskura u tetra, melankolika u sentimentali li tnissel ħasra. Xogħol ieħor sod ta' Kenneth Branagh, b'fotografija b'kuluri skuri fejn jiddominaw il-kannella u l-isfar mid-dawl tax-xemgħat. Kultant, anki jaqleb fil-gotiku meta dan il-kittieb jimmaġina lil ibnu ħdejn l-għadira qabel it-traġedja. Emozzjonijiet li forsi ma ħasshomx qabel għax kien mehdi jikteb The Merry Wives of Windsor .

More in Divertiment