Tliet films ġodda għal din il-ġimgħa
Ben is Back, What Women Want u Everybody Knows minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema
Ben is Back
Atturi Ewlenin: Julia Roberts; Lucas Hedges; Courtney B. Vance; Kathryn Newton; Alexandra Park.
Direttur: Peter Hedges.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 108 min.
Ċert. 15
Kull min jara l-film drammatiku Ben Is Back ma jistax ma jammirax lil Julia Roberts, bħala omm imnikkta, imma kawtela meta binha vvizzjat fuq id-drogi jerġa' lura d-dar. Hi tilqgħu b'idejha miftuħa iżda tkun għassa għalih biex tipproteġih minn kull deni. Hawn hi tagħti interpretazzjoni qawwija u vibranti li tħabbatha ma' dik li tat f' Erin Brockovich. Lejliet il-Milied filgħodu, Ben Burns (Hedges), ta' 19-il sena mingħajr ħadd ma stenna jerġa' lura d-dar. Ommu, Holly (Roberts) tifraħ ferm li rritorna, iżda hija xettika jekk jibqax nadif mid-drogi, waqt li oħtu Ivy (Newton) mhux qed tafdah u missieru tar-rispett (Vance), jibża' li se jqajjem ħerba fid-dar. Fuq perjodu ta' 24 siegħa, fejn ommu tiddeċiedi li tittrakka daqs qarnita miegħu kull fejn imur, se jinkixxfu veritajiet ġodda u din l-imħabba bla kundizzjoni tal-omm se tkun ittestjata bil-kbir għalkemm tipprova minn kollox biex tipproteġih sewwa. Ben is Back hu dramm solidu, topiku u reali li jistrieħ fuq l-interpretazzjoni intensa tal-brava Julia Roberts u dik qawwija wkoll ta' Lucas Hedges bħala binha. Din il-produzzjoni turi kif att ħażin ta' membru jista' jirbombja fuq familja sħiħa u jħarbat l-armonija li kienet teżisti. Kull meta l-omm u l-iben jidhru flimkien, f'diversi sekwenzi, l-andament ikun fl-aqwa tiegħu. Id-direttur Peter Hedges jiġi missier Lucas.
What Women Want
Atturi Ewlenin: Taraji P. Henson; Aldis Hodge; Tracy Morgan; Josh Bremer; Wendy McLendon-Covey.
Direttur; Adam Shankman.
Maħruġ minn KRS Releasng.
Tul: 117 min.
Ċert. 15.
What Women Want, kummiedja f'forma ta' fantasija soċjali, wisq probabbli hi r-risposta għall-film tal-2000, What Men Want. Fil-parti prinċipali Taraji P. Henson tispikka bħala aġenta ta' suċċess tal-isports li sikwit tkun injorata mill-kollegi tagħha femminili. Meta taħseb li ħadmet biżżejjed biex tingħata promozzjoni li verament jixraqilha, tkun xorta waħda mwarrba u tibda tiddubita x'jonqosha tagħmel biex tirnexxi f'din id-dinja ddominata mill-irġiel. Meta tixrob xarba mħallta misterjuża malajr tinnota li kapaċi tisma' x'inhuma jaħsbu fuqha s-sess maskil. B'dan il-poter ġdid, hi tibda ssib mezzi varji kif tissupera l-aġir tal-kollegi tagħha, hekk kif tiskopri plejer b'talent uniku għall-basketball waqt li tfittex l-aħjar triq biex tirreġistrah. Din mhix se tkun ħaġa faċli primarjament minħabba li se titlef ir-relazzjoni amikevoli mal-aħjar tlitt iħbieb, forsi wkoll relazzjoni romantika ma' Will (Hodge). L-attriċi brava Taraji P. Henson, liebsa attraenti tassew, enerġetika waqt ix-xogħol u taħriġ tagħha, dejjem simpatika u aktarx b'wiċċ ferrieħi hi d-dynamo li żżomm din il-produzzjoni f'wiċċ l-ilma. Fil-parti ta' Skip Davis insibu lill-anzjan attur Richard Roundtree, tant popolari fis-snin sebgħin ġo xogħlijiet ta' azzjoni gwappa bħal Shaft u żewġ sequels ta' ftit wara, Embassy u oħrajn.
Everybody Knows
Atturi Ewlenin: Penelope Cruz; Javier Bardem; Ricardo Darin; Eduard Fernandez; Barbara Lennie; Inma Questa; Carla Campri.
Direttur: Asghar Farhadi.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 132 min.
Ċert. 15
Id-direttur Iranjan Asghar Farhadi tassew issupera lilu nniffsu b'xogħlijiet eċċellenti bħal The Salesman (2016) u speċjalment b' A Separation (2012). Mill-kritiċi akkwista reputazzjoni għolja u stmata ta' mgħallem fin b'talent kbir kif jirrakkonta storja fejn il-qofol tagħha hu l-istudju profond tal-karattri u tal-kundizzjoni umana. Everybody Knows (Todos Lo Saben), film Spanjol bis-sottotitoli, li hu t-tmien xogħol tiegħu, jieħu l-forma ta' thriller psikoloġiku li jinvolvi misteru. Miktuba minn dan id-direttur stess, din il-produzzjoni fetħet il-Festival ta' Cannes ta' Mejju li għadda. L-ewwel battuti tal-film b'ċelebrazzjoni twila ta' tieġ, ma joffrux ħjiel x'se jseħħ wara, fejn il-ferħ kollu ta' familja estiża jinqaleb f'niket palpabbli, frustrazzjoni, argumenti u inċidenti mhux sbieħ. Laura (Cruz), li kienet tgħix Buenos Aires, terġa' lura mat-tifla tinager tagħha, Irene (Campra) u tifel iżgħar fir-raħal żgħir fejn twieldet, qrib Madrid, għat-tieġ ta' oħtha. Waqt il-ferħ sa tard bil-lejl tal-familja kollha, Irene tisparixxi u minn messaġġi fuq il-mobile dwar rikatt ta' flus, ommha tinduna li tkun maħtufa. Imwissija bl-aħrax biex ma javżawx lill-pulizija, milquta malajr minn din il-kalamita', il-ferħ kbir ta' qabel jinbidel f'dulur qawwi u disperazzjoni. Bil-ħin għaddej u b'ebda riżultat konkret, is-sitwazzjoni tirrendi ruħha f'waħda ta' suspetti bla rażan, fejn dawk intimi jakkużaw lil xulxin u sigrieti oskuri tal-passat li jiżvelaw veritajiet xokkanti, jinkixfu. L-aktar ħaġa li tolqot l-għajn f'dan ix-xogħol tant miktub u eżegwit tajjeb, bi djalogu pertinenti, hu l-editjar li ma jħalli l-ebda sekwenza taqa' f'sentimentaliżmu żejjed u r-reċtar stupend tal-karattri kollha, speċjalment Javier Bardem bħala Paco, Ricardo Darin ir-raġel ta' Laura, Penelope Cruz, ukoll sodisfaċenti u s-sbejħa Barbara Lennie bħala Bea, il-mara ta' Paco. Farhadi, b'mod sempliċi għaraf kif itemm dan id-dramm, li faċilment il-final tiegħu seta' kien wieħed banali!