Jirritorna Toy Story fis-swali taċ-ċinema ... iżda mhux biss

Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Toy Story 4

Vuċijiet Ewlenin: Tom Hanks; Tim Allen; Annie Potts; Tony Hale; Keegan-Michael Key; Keanu Reeves.

Direttur: Josh Cooley.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 100 min.

Ċert. U.

Dawk il-ġugarelli ħelwin li jieħdu l-ħajja meta l-umani jwarrbu minn quddiemhom, reġgħu qed jagħmlu d-dehra tagħhom għar-raba' darba fuq il-liżar il-kbir. Kulħadd kien tal-impressjoni li l-avventuri għal Woody (vuċi ta' Hanks), Buzz (Allen) u tat-tim kollu kienu waslu fit-tmiem tagħhom f'Toy Story 3 (2012), meta Andy li kien kiber ħa dawn il-ħbieb tiegħu tal-logħob lil Bonnie, iċ-ċkejkna ħabiba tal-familja tiegħu. Però, meta l-produtturi tal-films jaraw formula profittabbli, it-tmiem għalihom qatt ma jeżisti u mnalla hu hekk, għax Toy Story 4 hu xogħol verament divertenti u pjaċevoli daqs it-tlieta ta' qablu. Mela, hu ovvju, li se tibda serje oħra ta' avventuri ta' dawn il-ġugarelli ma' Bonnie, tifla eżemplari u b'immaġinazzjoni kbira meta tkun tilgħab bihom. Wasal iż-żmien biex din it-tifla tattendi l-iskola tan-nuna (kindergarten) u, mdejqa li se tinfired minnhom, waħedha ħdejn il-mejda fil-klassi, minn kuċċarina/furketta tal-plastik u xi affarijiet oħra li Woody sab f'barmil tal-iskart u li baxx baxx poġġa quddiemha, hi tifforma ġugarell ġdid jismu Forky (Hale), li bħall-oħrajn jieħu l-ħajja. Woody issa sab irwol ġdid - dak li jieħu ħsieb u jipproteġi lil sħabu kif ukoll jipprova jagħmel il-ħajja taċ-ċkejkna Bonnie aktar feliċi. Meta din it-tifla mal-familja tagħha joħorġu dawra, il-ġugarelli ssibhom fil-basket jakkumpanjawhom. B'ferħ kbir u mhux mistenni, Woody jiltaqa' ma' Bo Peep (Potts) u t-tliet nagħġiet tagħha, wara li kienu nfirdu fit-tielet film. Il-kawboj jinduna li Bo Peep saret ħafna ndipendenti, determinata u bħala ġugarelli hemm ħafna x'jifridhom. Infatti, din il-ġugarell tal-porċellana għandha parti dominanti f'Toy Story 4 u flimkien ma' Woody jgħaddu minn ħafna avventuri ħdejn post tad-divertiment, fejn tuża l-bastun tagħha li għandu forma ta' ganċ fit-tarf tiegħu biex tikkumbatti li xi avversarji u anki teħles lil Woody minn sitwazzjonijiet prekarji. Dan hu speċi ta' road-movie, l-aktar wieħed movimentat f'din is-serje, b'diversi mumenti ta' eċitament u ġiri sfrenat 'l hawn u 'l hinn. Waqt il-kreddti tal-aħħar oqogħdu attenti għal xi sekwenzi umoristiċi speċjalment dik ta' wieħed stordut li jieħu ħsieb posta fejn min jispara u jolqot jista' jagħżel ġugarell li jrid!

Brightburn

Atturi Ewlenin: Elizabeth Banks; David Denman; Jackson A. Dunn; Matt Jones; Meredith Hagner.

Direttur: Davis Yarovesky.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 91 min.

 Ċert. 15

E.T. - The Extra-Terrestrial (1982), film tax-xjenza fittizja li għamel suċċess kbir, dwar aljen itturufnat fid-dinja tagħna li jixtieq jerġa' lura fil-pjaneta minn fejn ġie, ippreżentalna esseru ġentili ta' qalb tajba, ħabib mal-umani ċkejknin. Fl-istess sena ħareġ Xtro, film Brittaniku tal-biża' u twerwir bis-slogan, Not all aliens are friendly. Il-produzzjoni ġdida Brightburn tappartjeni ma' din it-tieni kategorija. Tory u Kyle Breyer (Banks u Denman), koppja żagħżugħa jgħixu f'razzett fil-belt rurali ta' Brightburn, Kansas. Tori akkanita għall-arti tinsab fi żwieġ feliċi. L-unika ħaġa li qed tinkwetaha hi li tixtieq issir omm. Darba waħda, bil-lejl wara ħoss tremend li jriegħed id-dar tagħhom, issib vettura spazjali li kkraxxjat ftit ’il bogħod b'tarbija ħelwa ġo fiha li jsemmuha Brandon (Dunn). Għaxar snin wara, Brandon jikber f'tifel intelliġenti li ma tantx jagħmel ħabib malajr ma' dawk tamparu, iżda aktar mal-adulti. Meta jkollu 12-il sena, issir trasformazzjoni notabbli fuqu. Dan it-tfajjel jibda jbati bil-burdati, aktarx sikwit b'wiċċ imqarras u anki jibda juri disprezz lejn il-ġenituri tiegħu, xi ħaġa li lil Kyle ma tinżillux. Tori, li tkompli tħobbu u tieħu paċenzja bih, tinduna li xi ħaġa malinna qed tieħu pussess qawwi tat-tifel tagħha. Hi tkompli tipproteġih sakemm, meta jkun tard wisq, tirrealizza bil-periklu gravi li hi u żewġha huma mdawrin bih. Brightburn, li għandu fotografija eżkwiżita tal-kampanja ta' Kansas, jistrieħ fuq diversi qtajja' akkumpanjati b'mużika li ttarrax u aktar ma jgerbeb il-ħin fuq sekwenzi ta' biża' u qtil imdemmi. Wieħed jista' jxebbah lil dan ix-xogħol mal-film The Omen (1976) dwar l-Antikrist meta kien tifel. Naturalment, it-tema ta' tarbija ġejja minn dinja oħra żgur li tfakkar fil-bidu tal-film epiku Superman (1978). Wieħed jista' wkoll jikkonsidra din il-produzzjoni ta' baġit mhux kbir bħala varjazzjoni oħra tal-films dwar is-supereroj. Wisq probabbli nistennew sequel.

Yesterday

Atturi Ewlenin: Himesh Patel; Lily James; Kate McKinnon; Ed Sheeran; Joel Fry; Meena Syal.

Direttur: Danny Boyle.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 116 min.

Ċert. 12A

Yesterday hija kummiedja Brittanika b'laqtiet drammatiċi, fantasija mużikali mibnija dwar il-kanzunetti tal-grupp The Beatles. Diretta minn Danny Boyle, din il-produzzjoni ħelwa u affaxxinanti fl-istess ħin, f'diversi mumenti tfakkar fl-istil ta' dan id-direttur rigward films tiegħu bħal Millions (2004) u anki Slumdog Millionaire (2008).

L-iscreenplay hi wkoll dik tipikament ta' Richard Curtis, li bbrilla f'diversi kummiedji fuq dan l-istil. Immaġinaw dinja fejn il-grupp popolari The Beatles ma jafhom ħadd. Jack Malik (Patel) hu kantant u kittieb tal-kanzunetti li jgħix f'belt żgħira ħdejn il-baħar, u li qed ibati biex jipprova jistabbilixxi ruħu. Il-ħolma tiegħu li jsir famuż qed tisparixxi għalkemm il-ħabiba tiegħu ta' minn ċkunitu, Ellie (James) temmen fih u tinkoraġġih. Wara inċident bil-karozza meta t-triqat kollha kienu fid-dlam, meta jistenbaħ jiskopri li l-Beatles qatt ma eżistew. Determinat li jerġa' jfakkar il-kanzunetti tagħhom lid-dinja, jimbarka fuq dan il-proġett u anki jsib għajnuna minn Debra (McKinnon), aġenta Amerikana b'rieda tal-azzar. Il-fama tiegħu tisplodi u b'hekk ikun qed jirriskja li jitlef lil Ellie li dejjem emmnet fih. Hawn, Jack jiġi bejn ħaltejn għax irid jagħżel bejn il-popolarità jew l-imħabba ta' ħajtu. Yesterday hu film pjaċevoli u leġġer imfawwar bl-isbaħ kanzunetti ta' dan il-grupp formidabbli.

More in Divertiment