Eluf mistennija joħonqu l-Fosos illejla għall-Isle of MTV
Din hija t-13-il edizzjoni ta' dan il-kunċert mingħajr ħlas
Illejla eluf ta ' Maltin u barranin mistennija jattendu għat-13 il-edizzjoni tal-kunċert Isle of MTV li se jsir fuq il-Fosos tal-Furjana.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu ġewwa Radisson Blu Hotel l-artisti rinomati internazzjonalment tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom s'issa f'Malta.
Bebe Rexha li l-bieraħ ġibdet l-attenzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin wara li dehret tiżfen mal-Innu tal-Labour fuq dgħajsa kellha kliem sabiħ ferm għal Malta hekk kif hi ddiskriviet lil Malta bħala "belezza, nies dħulin, ikel tajjeb u baħar nadif."
Il-kantanta Ava Max ukoll kellha kliem ta' tifħir għal Malta hekk kif qalet li,"min jgħid li ma togħġbux Malta jkun qiegħed jigdeb." Max qalet ukoll li fi żmien li ġej se tkun qed toħroġ l-ewwel album tagħha li se jinkludi mużika ta' stil pop. "Jiena rrid nagħmel lin-nies kuntenti bil-mużika tiegħi u nbiddilhom il-burdata minn waħda ħażina għal waħda tajba."
Apparti minn dawn l-ismijiet ta' fama mondjali illejla diversi talenti lokali mistennija jieħdu sehem fl-Isle of MTV. Fost l-artisti li se jkun hemm din is-sena hemm Martin Garrix, Bebe Rexha, Ava Max u Wiley.
Il-biljett huwa bla ħlas u jista jinkiseb minn fuq www.isleofmtv.com.