L-aħħar preparamenti qabel żewġ kunċerti kbar fuq il-Fosos tal-Furjana
Żewġ kunċerti kbar b'xejn fil-jiem li ġejjin fuq il-Fosos tal-Floriana
Waqt konferenza stampa ġewwa l-Fosos tal-Furjana fejn għada u pit għada se jittellgħu żewġ kunċerti kbar, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi saħaq illi fid-dawl ta' Brexit, il-Gvern kien jinsab kommess sabiex jaħdem fuq aktar kollaborazzjoni mas-suq Ingliż.
Il-Kunċert ta' għada li d-dħul għalih huwa b'xejn se jkun relatat ma' siltiet mużikali mid-dinja taċ-ċinema. Parti kbira minn dawn is-siltiet se jkollhom x'jaqsmu ma' produzzjonijiet li nġibdu hawn Malta fosthom Gladiator, Da Vinci Code u Midnight Express. Il-protagonisti għal dan il-kunċert mistennija jkunu l-orkestra tal-BBC u diversi artisti mll-West End ta' Londra.
Il-Ministru spjega li dan il-kunċert se jkun trażmess fuq BBC Radio 2 u mistenni li jilħaq miljuni ta' semmiegħa u b'hekk jpoġġi lil Malta f'ventrina unika. Żied jgħid ukoll li l-preparamenti għal dawn iż-żewġ kunċerti waslu fl-aħħar fażi tagħhom hekk kif attwalment għaddejjin numru ta' rehearsals.
L-għada imbagħad, ir-rockstar Ingliż Liam Gallagher, il-vuċi tal-band Oasis, mistenni joħnoq il-Fosos tal-Furjana, bid-dħul għall-dan il-kunċert ukoll ikun bla ħlas.
Il-Ministru spjega li dawn il-kunċerti huma parti minn diversi attivitajiet li Visit Malta Events qed tħejji matul is-sena kollha, fosthom Nickelodeon Treasure Hunt u Cirque du Soleil li ħa ġġib magħha serje ta' avvenimenti oħra għax-xahar ta Novembru u Diċembru.
Għal raġunijiet ta' sigurtà se tintuża sistema ta reġistrazzjoni u min jixtieq jattendi jista' jakkwista l-biljetti tiegħu fuq is-sit www.ticketarena.com.mt.