Ad Astra u The Informer ... x'għandek tkun taf dwarhom?

Żewġ films li se jkunu żgur popolari ma' ħafna

AD ASTRA

Atturi Ewlenin: Brad Pitt; Tommy Lee Jones; Ruth Negga; Liv Tyler; Donald Sutherland.

Direttur: James Gray.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 124 min. Ċert. 12A

Ad Astra huwa avventura affaxxinanti tax-xjenza fittizja, film epiku u viżwalment spettakolari, superjuri bil-bosta għal ħafna tal-ġeneru tiegħu. Iċ-ċineasti veri mill-ewwel jindunaw li dan ix-xogħol hu ispirat mill-grandjuż film ta' Stanley Kubrick, "2001: A Space Odyssey" (1968) u anki b'similaritajiet minn Gravity (2013). B'mużika evokattiva għall-aħħar u atmosfera kontinwament solenni, dan qisu film b'tema reliġjuża, b'mumenti li jsaħħru u oħrajn emozzjonanti li wara li tarah itik x'taħseb u tkun trid tiddiskuti fuqu. Roy McBride (Pitt), wieħed mill-iprem astronawti tal-U.S. Space Command, magħruf li kapaċi jżomm il-kalma u jaf kif jirreaġixxi fil-pront f'sitwazzjonijiet ta' dannu jew perikolużi, hu t-tifel ta' Clifford McBride (Lee Jones), astronawta li kiteb qatigħ dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju, wara li dija qawwija tal-elettriku tgħaddi b'ħeffa kbira ftit ’il bogħod mid-dinja tagħna, jintbagħat fl-ispazju profond biex jitkixxef dwar din il-ħaġa li tista' teqred l-umanità. Barra li jrid jiskopri l-oriġinu ta' dan il-misteru, qed jipprova jfittex lil missieru, maħsub mejjet jew mitluf f'xi naħa mbiegħda tal-univers. Ad Astra, bil-Latin li tfisser Lejn il-Kwiekeb, hu assolutament iddominat mill-preżenza ta' Brad Pitt, minkejja atturi oħra rinomati li għandhom parti ċkejkna. Għal ħafna ħin jidher kważi waħdu, serjissimu, mifxul, b'wiċċ ħosbien li jindika l-periklu li dieħel għalih. Wara parti eċċellenti f'Once Upon A Time In Hollywood, Pitt ikompli jibbrilla u qisu qed jistedinna nazzardaw miegħu, b'ħerqa palpabbli, f'missjoni ta' dimensjoni grandjuża. Nispera mill-qalb li fl-Oscars jiftakru fih! Dan ix-xogħol ta' stoffa jinkludi wkoll ħafna azzjoni ta' diżastri u sekwenza ta' qtajja' li tfakkar f'IT: The Terror From Beyond Space (1958) li ispira lil Alien (1980). Il-fotografija brillanti u ċara ta' Hoyte Van Hoytema hi wkoll pedina importanti. Wieħed mill-isbaħ films ta' din is-sena!

THE INFORMER

Atturi Ewlenin: Joel Kinnaman; Rosamunde Pike; Ama de Armas; Common; Clive Owen; Eugene Lipinski.

Direttur: Andrea Di Stefano.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 113 min. Ċert. 15

Ibbażat minn fuq in-novella Żvediza Three Seconds, tal-ġurnalist Anders Roslund u tal-mejjet Borge Hellstrom, kriminal li wara sar awtur, The Informer hu thriller aggressiv tal-kriminalità mimli azzjoni u vjolenza bid-dmija. Fil-qalba ta' din l-istorja nsibu lil Pete Koslev (Kinnaman), kriminal li biddel ħajtu u li qed jaħdem minn taħt ma' xi aġenti korrotti tal-FBI biex jinfiltra fin-negozju tad-drogi. Meta operazzjoni tal-FBI tispiċċa bil-mewt ta' pulizija tad-dipartiment ta' New York, Pete jintagħlab biex jerġa' jidħol fil-ħabs ta' Bale Hill fejn serva qabel għall-qtil ta' raġel f'bar, biex minn hemm ġew jipprova jirribatti dan il-kartell. The Informer hu film aħrax, mimli brutalità b'ħafna demm. Il-protagonist li qed jaħdem bil-moħbi u jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa lill-Aġenta Erica Wilcox (Pike), jista' jġib dubbji ma' liema naħa hu mxaqleb. Aħrax u aggressiv f'xogħlu, mimli tpinġija, jimmansa ħafna meta jkun quddiem it-tifla tiegħu jew meta martu Sofia (de Armas) tinfexx tgħajjat u tagħtih b'idejja billi m'għandix ħjiel x'inhu xogħlu, iżda tobsor li mdaħħal f'intriċċi morbidi u possibbli perikolużi ħafna. Three Seconds kienet ippubblikata fl-Iżvezja fl-2009 u nqalbet għall-Ingliż xi sena wara. Ftit wara, din in-novella kważi nħadmet għaċ-ċinema, però kellha tieqaf minħabba xi ċirkostanzi li nqalgħu. Fl-aħħar, ħareġ il-film The Informer bl-andament mibdul għall-Amerika.

More in Divertiment