Gemini Man ... thriller mimli azzjoni bi ħjiel tax-xjenza fittizja

Atturi Ewlenin: Will Smith; Mary Elizabeth Winstead; Clive Owen; Benedict Wong; Ralph Brown; Douglas Hodge

GEMINI MAN

Atturi Ewlenin: Will Smith; Mary Elizabeth Winstead; Clive Owen; Benedict Wong; Ralph Brown; Douglas Hodge.

Direttur: Ang Lee.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 117 min. Ċert. 12A

Din id-darba, id-direttur rinomat mit-Tajwan, Ang Lee, idderieġa thriller mimli azzjoni bi ħjiel tax-xjenza fittizja bl-attur Will Smith hawn fi proġett simili għall-aqwa żmien tal-karriera tiegħu. Gemini Man ġie ffilmjat fi bliet mimlija storja u arkitettura sinjifikanti, kemm fl-Istat ta' Georgia, f'Budapest u Cartagena, il-Kolombja. Henry Brogan (Smith), aġent veteran assassin tal-Gvern Amerikan wara li bi tbatija joqtol mill-bogħod terrorist fuq ferrovija għaddejja b'ħeffa tal-għaġeb, jiddeċiedi li jirtira minn dan ix-xogħol issa li sar diżilluż minnu. Hu jagħmel ħabib ma' Danny Zakarewski (Winstead) li tikri d-dgħajjes. L-aġenzija li qabditu mmexxija minn Clay Verris (Owen) issib skuża biex teliminah minn nofs. Dan l-uffiċjal tal-morini jrid li jikkrea armata personali ta' suldati militari u waqt li Henry jkun jissielet biex jiskappa jiskopri li Danny wkoll hi aġenta sigrieta. Flimkien ma' Baron (Wong), kollega tagħhom, jaħarbu f'tiġrija sfrenata madwar id-dinja fejn Henry jkollu jeħodha ma' replika (clone) tiegħu nnifsu meta kien iżgħar fiż-żmien. Jidher li hu indistruttibbli. Fejn jirrigwardja azzjoni sfiqa, Gemini Man żgur mhux se jiddiżappunta lil dawk kollha li jħobbu xogħol movimentat. L-aktar ħaġa sensazzjonali li wieħed jinnota huwa l-mod kif permezz ta' immaġini speċjali ġġenerati bil-kompjuter, it-tekniċi rnexxielhom jirrikreaw lil Will Smith ħafna aktar żagħżugħ. Barra minn hekk, Smith u l-figura iżjed żagħżugħa tiegħu jinvolvu ruħhom fi sparar, kumbattimenti u azzjoni oħra pjuttost esaġerata. Dan ix-xogħol kien ilu fuq l-ixkaffa biex jinħadem għal 20 sena sħaħ u fl-aħħar permezz ta' teknoloġija sofistikata ħa l-ħajja fuq il-liżar il-kbir. Sorpriżament, forsi għax id-direttur hu Ang Lee. l-aħħar parti tiżvolġi b'mod li ma tobsorx, b'andament oppost għal dak kollu li jseħħ qabel. L-aktar ħaġa li tolqot l-għajn huma l-lokalitajiet endemiċi u ġieli anki eżotiċi tal-pajjiżi diversi fejn l-avvenimenti jiġru.

Il-ġenesi ta' Snow White and the Seven Dwarfs.

Fil-preżent, barra l-blokk busters tas-supereroj, il-films animati (dawk li qabel konna nirreferu għalihom bħala cartoons) qed jagħmlu suċċess finanzjarju kbir. Il-kumpanija Disney baqgħet il-perċimes ta' dan il-ġeneru.

Mis-snin erbgħin ’il quddiem, il-cartoons twal daqs films oħra normali kienu jieħdu ż-żmien biex jinħadmu, kollox magħmul bl-idejn. Iżda minn nofs is-snin tmenin 'l hawn, permezz ta' immaġini kważi reali ġġenerati bil-kompjuter, dawn qed jitlestew bil-ħeffa u jsiru aktar sofistikati iżjed kemm it-teknoloġija qed tavvanza.

Walt Disney kien ilu mdaħħal fil-cartoons sa minn kważi mitt sena ilu bil-famuż karattru, Mickey Mouse jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fi Steamboat Willie (1928). Wara ftit żmien, ġo moħħ Disney beda jberhen il-ħsieb li jipproduċi film animat ta' tul normali. Kulħadd kien tal-fehma li cartoon ta' iżjed minn 20 sa 30 minuta kien se jdejjaq lill-udjenzi. Però, hu baqa' stinat li jwettaq dan il-ħsieb tiegħu u ddeċieda li jiffilmja l-istorja klassika tal-Aħwa Grimm, Snow White and the Seven Dwarfs.

Meta fl-1937 dan il-proġett ġdid u storiku wasal biex joħroġ fit-teatri, il-magna tal-pubbliċità ta' Disney għamlet kjass daqs li kieku kien se jintwera film epiku ta' Hollywood. Ġie annunzjat hekk mal-pubbliku kurjuż għall-aħħar x'se jseħħ: "Mas-750 artist għamlu xogħolhom fuq din il-produzzjoni. Dawn kienu jikkonsistu fi 32 animatur, 102 assistenti tagħhom, 20 artist li jikkordinaw l-istampi, 25 oħra li jpittru l-isfond bil-kuluri tal-ilma, 65 animatur tal-effetti (dawk li jpinġu duħħan, ilma, sħab, eċċ) u 159 nisa żgħażagħ kapaċi jpinġu perfettament il-figuri popolari ta' Disney fuq folji trasparenti".

Hollywood beda jirreferi għal din il-pubbliċità esaġerata u għall-film innifsu bħala 'l-ġennata ta' Walt Disney', konvinti bis-sħiħ li kien se jfalli lill-kumpanija tiegħu stess. Meta ħareġ il-film, il-pubbliku affaxxina ruħu bil-kbir, iddeverta bis-sħiħ u feraħ b'mod li moħħu qatt ma immaġina.

Il-film għamel suċċess kbir ma' kullimkien, bi profitti kbar għal dak iż-żmien, ingħata Oscar speċjali minkejja li l-ebda waħda mill-kanzunetti sbieħ u melodjużi ma ġiet innominata. Snow White and the Seven Dwarfs minnufih sar xogħol klassiku taċ-ċinema li baqa' joħroġ kull tant żmien u jkompli jferraħ ġenerazzjonijiet ġodda sa kważi is-sena 2000, kull darba jagħmel profitt konsiderevoli. Kien dan ix-xogħol li fetaħ it-triq għas-suċċess ta' oħrajn animati tant popolari sal-lum.

More in Divertiment