Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema
Bad Boys for Life, A Hidden Life u Just Mercy
BAD BOYS FOR LIFE
Atturi Ewlenin: Will Smith; Martin Lawrence; Vanessa Hudgens; Charles Melton; Alexander Ludwig; Joe Pantoliano.
Diretturi: Adir El Arbi u Bilall Falah.
Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 123 min. Ċert. 15
Will Smith u Martun Lawrence għat-tielet darba qed jerġgħu jidhru flimkien bħala Mike Lowery u Marcus Burnett, żewġ pulizija li jiġġieldu mal-kriminali li jinzertaw fuq ir-ronda tagħhom. Wara 17-il sena mill-aħħar film, Bad Boys II, dawn it-tnejn qed jirritornaw biex ikomplu, minkejja l-età tagħhom, fejn ħallew qabel ġo film simili mimli vjolenza mħallta ma' kummiedja. Fil-preżent, Marcus kien spiċċa minn dan ix-xogħol perikoluż biex jgħaddi aktar ħin mal-familja. Però, meta minnaċċa serja tipperikola l-ħajja ta' sieħbu żgur li mhux se jħallih ifendi għal rasu. Għalkemm iż-żmien dieħel fuqhom, l-entużjasmu taż-żgħożija għadu hemm, xorta waħdu mhux ta' min iħabbat wiċċu magħhom, għadhom jafu jieħdu l-affarijiet biċ-ċajt u qatt ma wieħed jobsor kif se jirreaġixxu. La l-produttur ewlieni baqa' Jerry Bruckheimer, nistennew produzzjoni mimlija azzjoni furjuża, movimentata b'ħerba intensa, b'sekwenzi umoristiċi u fuq kollox xogħol bombastiku. Will Smith jibqa' dejjem iżjed kariżmatiku, waqt li Martin Lawrence li dejjem jieħu l-affarijiet biċ-ċajt anki waqt il-periklu jew meta jindarab, jaġixxi aktar ta' baħbuħ. L-għan ewlieni ta' dan ix-xogħol bħaż-żewġ films tal-1995 u tal-2003 hu biss li jiddeverti lill-udjenzi u li wieħed jieħu gost fil-preżenza ta' par irġiel spissjati waqt xogħolhom.
A HIDDEN LIFE
Atturi Ewlenin: August Diehl; Valerie Pachner; Maria Simon; Matthias Schoenaerts; Bruno Ganz.
Direttur: Terrence Malick.
Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 174 min. Ċert. 12A
L-ammirazzjoni li dejjem kelli għad-direttur Terrence Malick naqsitli xi ftit dan l-aħħar meta beda jaħdem films fi żmien qasir, mhux kif kien imdorri. Wara bidu fejn kien idum snin twal biex jidderieġi film b'manjiera metikuluża u ta' kalibru estetiku, meta l-proġetti tiegħu bdew ġejjin fi żmien qasir ħafna dawn tilfu dik l-atmosfera meqjusa li kien kapaċi jfornihom biha. Fortunatament, hu reġa' rpilja bil-kbir bix-xogħol ġdid tiegħu, A Hiddeen Life. Ambjentat fit-Tieni Gwerra Dinjija, bil-maġġoranza tal-istorja vera sseħħ fl-Awstrija, insiru nafu fil-bidu li kull suldat Awstrijak kellu jieħu ġurament ta' lealtà lejn Hitler u t-Tielet Reich. Franz Jagenstatter (Diehl) kien bidwi bieżel iddedikat bil-kbir lejn il-familja tiegħu. Hu twieled u dejjem għex f'St. Radegurd, villaġġ żgħir pittoresk mhux ’il bogħod mill-Alpi. Infatti, ix-xogħol iebes tar-raba' jieħu parti sewwa minn dan il-film twil, fejn kemm hu u kemm martu, Franziska (Pachner) u oħtha Resie (Simon) ikunu sikwit impenjati. Meta l-irġiel żgħażagħ tal-post kollha jinqabdu suldati, hu jirrifjuta li jiġġieled għan-Nazisti. Dlonk jintbagħat il-ħabs, ikun ittorturat, bil-minaċċja dejjem fuqu li jista' jinqatel. L-imħabba straordinarja li kellu għal martu u t-tliet uliedu żgħar bniet għenitu biex jissaporti kollox bil-paċenzja. A Hidden Life hu xogħol brillanti fejn Malick jerġa' jaqbad dik l-atmosfera agrikola ta' Days Of Heaven (1978) b'mod prolifiku u fluwidu u l-andament mistiku ta' The Tree Of Life (2011). Din il-produzzjoni tiġġenera ċertu qawwa sublimi li tħallik skantat u mmeraviljat anki fis-sekwenzi tat-torturi. Wieħed iħoss li qed jara xogħol poetiku ta' ċerta qawwa u intensità. Il-parti ta' Valerie Pachner, il-mara devota għall-aħħar li ssofri ħafna wkoll minn nies tal-post minħabba l-aġir ta' żewġha hi tassew addattata għall-parti tagħha li tesibixxi dedikazzjoni, kuraġġ, sagrifiċċju u rieda soda. Għall-informazzjoni tagħkom, Franz Jagenstatter kien ġie ddikkjarat martri u bbeatifikat mill-knisja Kattolika. Film li jippenetra ġo fik u jħallik tixtarr għal żmien twil wara!
JUST MERCY
Atturi Ewlenin: Michael B. Jordan; Jamie Foxx; Brie Larsen; Tim Blake Nelson; Rob Morgan; Rafe Spall'
Direttur: Destin Damiel Cretton'
Maħruġ minn Krs Releasing. Tul: 136 min.
Fil-passat ħarġu ħafna films dwar ġurijiet fil-qorti u anki oħrajn fittizji wkoll ecitanti ispirati minn kotba bestsellers, fosthom biex insemmi wħud: 12 Angry Men (1956), To Kill A Mockingbird (1962), The Accused (1988), eċċ. Just Mercy hu film ieħor kommoventi, li jqanqal fik rabja u li jiffittja f'din il-kategorija. Din il-produzzjoni dwar storja vera li ġrat fl-1987 f'Alabama tiffoka fuq l-avukat iswed prinċipjant, Bryan Stevenson (Jordan) li l-ewwel klijent li jieħu taħt idejh ikun Walter MacMillan (Foxx), ħaddiem li jaqta' s-siġar li jkun falsifikament mixli li qatel mara żagħżugħa bajda minkejja diversi xhieda li jsostnu mod ieħor. Fl-ewwel laqgħa miegħu fil-ħabs, l-akkużat b'disperazzjoni u ton ta' ħniena fuqu jesklama "From the moment you're born black in Alabama you're guilty". Hawn kien qed jirreferi li l-liġi f'ċerti stati tas-Sud tal-Amerika mhix l-istess għall-bojod u s-suwed. Il-pulizija, ix-xeriffs u l-kapijiet tad-dipartimenti tal-liġi, fil-maġġoranza tagħhom huma razzisti u xlew ħafna suwed li kienu innoċenti. F'atmosfera ta' biża' u theddid kienu jippruvaw isikktu lil dawk, anki bojod, li jkun se jixhdu favur l-imputat waqt il-ġuri tiegħu. Dawn it-tendenzi kollha huma evidenti f'Just Mercy fejn McMillan anki tinqatagħlu għall-mewt bis-siġġu elettriku. Però Stevenson mgħejjun minn Eva Ansley (Larsen), avukata bajda ta' kuxjenza jesponu l-kumplott kontra s-suwed ta' klassi baxxa. Just Mercy li hu ispirat mill-ktieb bestseller tal-2014 tal-avukat Stevenson stess dwar dan il-każ hu storja ta' ġustizzja mistħoqqha u redenzjoni kif sostna hu stess f'dan il-volum. Xogħol li jżommlok l-attenzjoni sal-final.