Żewġ films ġodda fis-swali taċ-ċinema
The Gentlemen u Bombshell
THE GENTLEMEN.
Atturi Ewlenin: Matthew McConnaughey; Charlie Hunnam; Michelle Dockery; Henry Golding; Jeremy Strong; Eddie Marsan; Hugh Grant; Colin Farrell.
Direttur: Guy Ritchie.
Maħruġ minn KRS Releasing. Tul:113 min. Ċert. 18
Il-karriera tad-direttur Guy Ritchie tixbah lill-għolja bit-tlugħ u nżul. Waqt li xi films tiegħu kienu tassew innovattivi, oħrajn jiżgijaw bil-kbir u b'konfużjoni palpabbli. Fortunatament, ix-xogħol ġdid, The Gentlemen, isib lil dan id-direttur fil-forma eċċellenti ta' films tiegħu bħal Lock, Stock And Two Smoking Barrels u Snatch. It-titlu ta' dan il-film hu ironija kbira għax ħadd mill-cast kollu mhu ġentlom - anzi, għall-kuntrarju ċorma karattri li lesti jagħmlu kollox biex jakkwistaw taħt idejhom kontroll ta' imperu tal-marijuana. Mickey Pearson (McConnaughey), hu Amerikan li jgħix fir-Renju Unit u li rnexxielu jwaqqaf negozju kbir tal-ħaxixa (marijuana). Issa jixtieq li jbigħ kollox u jirtira minn dan ix-xogħol. Meta toħroġ il-kelma, ħafna karattri oskuri ta' dispożizzjoni varja jippjanaw, jirrikattaw u jxaħħmu biex jiksbu l-ġid ta' Mickey. Minkejja li The Gentlemen hu produzzjoni dwar il-kriminalità mimlija azzjoni, qtil u sparar, l-istil ta' Ritchie hu ovvju fil-konfużjoni umoristika sottili li tinqala'. L-andament fih ċerta intelliġenza li tagħti enerġija ħerqana lil dan il-film u tistabbilixxi l-karattri diversi bid-dinamiżmu tagħhom. Jekk wieħed qed ifittex xi eroj f'din il-produzzjoni għandu jiftakar li fix-xogħlijiet tajbin ta' Ritchie ħadd mhu ta' statura soda quddiem xi kisba lukrattiva. Tassew impressjonanti Hugh Grant f'parti serja u sfiqa li qatt ma bsart li hu kapaċi għaliha!
BOMBSHELL
Atturi Ewlenin: Charlize Theron; Nicole Kidman; Margot Robbie; John Lithgow; Malcolm McDowell; Kate McKinnon; Connie Britton.
Direttur: Jay Roach.
Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 109 min. Ċert. 15
Bombshell hu dramm qawwi bijografiku dwar sfruttar ta' nisa u fastidju sesswali fil-kwartieri tal-istazzjon televiżiv Fox News. Din il-produzzjoni tiżvela x'ġara ġewwa l-post tal-aqwa imperu potenti tal-midja u kif xi nisa rnexxilhom iniżżlu mill-poter lil dak stess li waqqfu. Ibbażat minn fuq skandlu reali ta' ftit snin ilu, mgħejjun minn diversi siltiet veri ta' aħbarijiet tal-mument meta ġraw, tliet nisa diversi jiddeċiedu li jeħduha kontra abbuż sesswali u poter ta' saħħa tremenda. Kulħadd skanta u ħadd ma basar li l-ewwel kolp ta' fastidju sesswali lin-nisa, moħbi għal snin twal, kellu jasal minn wieħed mill-aktar postijiet konservattivi u leali - Fox News. Malajr, l-opinjoni pubblika marret fid-direzzjoni li hemm bżonn li dan l-abbuż jispiċċa jkun ġej minn fejn ikun ġej. Fis-sajf tal-2016, Gretchen Carlson (Kidman) li flimkien ma' oħrajn kienet tippreżenta l-programm Fox And Friends, ġiet imkeċċija u dlonk fittxet bil-qorti l-fundatur ta' Fox News, Roger Ailes (Lithgow) talli kien taha fastidju sesswali. Waqt li l-opinjoni pubblika kienet li Ailes kien invinċibbli, dak li għamlet Carlson dewa madwar id-dinja. Warajha ngħaqdet ukoll Magyn Kelly (Theron) u n-nisa ta' Fox News bdew iħossu tibdil kulturali riesaq lejhom. Kayla Pospisil (Robbie) kważi wkoll ingħaqdet magħhom u 19 oħra, imma beżgħet. Dan it-trijo infernali kien il-kataklist biex jinkiser, darba għal dejjem, il-kodiċi tas-silenzju li dejjem irrenja minħabba biża', mistħija u tkeċċija mix-xogħol. Minkejja li l-andament tiegħu hu ffullat b'ħafna karattri, Bombshell jzommlok l-interess permezz ta' partijiet sodi mit-tliet nisa protagonisti u minn John Lithgow bħala l-percimes li qajjem kollox. Il-mistoqsija fl-aħħar tiġi waħedha - Min hu l-viljakk suprem, in-nisa li dabbru kumpens tajjeb jew il-ħati li ħaseb li hu fuq il-liġi? Iddeċiedu intom meta tarawh!
WAVES
Atturi Ewlenuin: Kelvin Hardison Jr.; Lucas Hedges; Taylor Russell; Alexa Demie; Rene'e Elise Goldsberry; Sterling K. Brown.
Direttur: Trey Edward Shults.
Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 134 min. Ċert. 15
Ambjentat fix-xenarju eżotiku ta' Florida tas-Sud, Waves hu dramm kommoventi, pjuttost sentimentali dwar familja Afro/Amerikana, b'missier dominanti, imma raġjonevoli, li jmorru jgħixu f'subborg t'hemm. Dan il-film hu maqsum f'żewġ partijiet b'konnessjoni sewwa bejniethom. Tyler Williams (Hardison Jr.) student fi skola sekondarja hu popolari ħafna mal-istudenti minħabba l-kapaċità tiegħu fid-dixxiplina tal-lotta, sa meta jaqa' u jweġġa’ spalltu. Il-maħbuba tiegħu Alexis (Demie) tinqabad tqila u bejn dawn it-tnejn jinqala' d-disgwid jekk it-tarbija għandhiex titwieled jew le. Wara inċident fatali, Emily (Russell) oħt iż-żgħira ta' Tyler tkun imwarrba minn ħbieba tal-iskola, però Luke (Hedges), ġuvni abjad mistħi jinġibed lejha u anki jsiru maħbubin intimi. Iżda fil-familji tagħhom in-niket baqa' jirrenja minħabba fatturi differenti. Waves jirrakkonta storja ta' mħabba sinċiera u l-kapaċità li wieħed jaħfer u jkompli jimxi 'l quddiem fil-ħajja anki fl-aktar żmenijiet mudlama. Dan hu xogħol ta' valuri diċenti, f'waqtiet inkorragganti, ġieli ta' qsim il-qalb, kif ukoll ta' kompassjoni u maħfra. L-aqwa ingredjenti ta' din il-produzzjoni hu kif żewġ erwieħ innoċenti jirnexxielhom isibu paċi u serħan meta jkunu fil-preżenza ta' xulxin wara telfa ta' sogħba kbira.