Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Minn din il-ġimgħa fiċ-ċinema

THE INVISIBLE MAN

Atturi Ewlenin:  Elizabeth Moss;  Aldis Hodge;  Harriet Dyer;  Storm Reid;  Oliver Jackson-Cohen.

Direttur:  Leigh Whannell.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 124 min.  Ċert. 15

Il-kapulavur volum tax-xjenza fittizja u biża' ta' H. G. Wells, The Invisible Man inħadem bosta drabi għaċ-ċinema u anki ispira xi spin-offs bħall-kummiedja Memoirs Of An Invisible Man (1992) u l-oskur makabru Hollow Man (2000).  L-adazzjoni ġdida The Invisible Man hija produzzjoni ta' Blumhouse Pictures li tispeċjalizza f'films tal-biża' u t-twerwir ta' bagits moderati.  Hawn, id-direttur Leigh Whannell (famuż għas-serje Saw u anki attur fis-serje Insidous) ingħata somma moderata mill-Universal Pictures, (il-kumpanija li dejjem żammet id-drittijiet ta' dan il-ktieb sa minn żmien iċ-ċinema mutu) u tassew issorprenda b'xogħol ta' mpatt qawwi, stennija kontinwa ta' biża', vjolenza mdemmija u taqtigħ il-qalb.  Għalkemm is-sustanza tiegħu hi bbażata minn fuq il-ktieb ta' Wells, din il-produzzjoni hija ambjentata fil-preżent, b'teknika rfinuta u b'atmosfera tassew oskura ta' ossessjoni sesswali.  Fil-ftuħ naraw lil Cecilia Cass (Moss), fl-eqqel tal-lejl tqum mis-sodda biex taħrab mid-dar u tmur tistaħba ħalli teħles minn raġel xjentist vjolenti li kien qed iżommha qisha mjassra.  Mgħejjuna minn oħtha Emily (Dyer), hi tmur tabita ma' James (Hodge), il-ħabib tagħhom u t-tifla tiegħu, Sydney (Reid).  Ftit taż-żmien wara, inċidenti strambi jiftħulha għajnejha li hi qed tiġi mmarkata minn xi forza inviżibbli u li l-għeżież ta' madwarha jinsabu f'periklu imminenti kbir.  The Invisible Man hu xogħol inġenjuż li jbeżża', magħmul b'ħila kkalkulata, bl-ewwel siegħa tiegħu ta' eċitament palpabbli u stennija ta' xi qata' kbira.  Fit-tieni nofs fejn Cecilia tkun imminaċċjata personali bl-aħrax, bis-sanità tagħha f'xifer kollass. L-azzjoni tisplodi bi grandezza spettakulari. Adazzjoni vjolenti, kultant brutali, imma bi stil ta' maestro!

MILITARY WIVES

Atturi Ewlenin:  Kristin Scott-Thomas;  Sharon Horgan;  Jason Flemyng;  Greg Wise;  Emma Lowndes;  Lara Rossi.

Direttur:  Peter Cattaneo.

Maħruġ minn KRS Releasing.  Tul: 113 min.  Ċert. 12A

Fil-preżent, fir-Renju Unit hemm mal-2,300 mara li għandhom żewġhom fil-militar jew konnessi b'xi mod ieħor, li jiffurmaw mal-75 kor kemm fil-pajjiż u kemm barra. Military Wives jiffoka fuq l-ewwel kor ta' nisa li ngħaqdu flimkien bħala solidarjetà u ħbiberija meta l-għeżież tagħhom servew fl-Afganistan. Ibbażat minn fuq storja vera, permezz tal-kant dawn in-nisa sabu mezz kif jgħinu lil xulxin, jevitaw id-dwejjaq u l-iżolament meta jkollhom jiċċaqilqu minn djarhom u jgħixu fil-kwartieri tas-suldati u fil-proċess isiru anki sensazzjoni globali. Military Wives hija kummiedja b'mumenti drammatiċi fejn wieħed isib ħin biex jitbissem u jiskanta u anki joħroġ xi demgħa wkoll.  Dan ix-xogħol tassew ġenjali u pjaċevoli li jneħħilek kull burdata ħażina jew nervi li jkollok, żgur li wieħed joħroġ miċ-ċinema aktar ferħan. Il-fenominu tal-Military Wives Choirs beda f'RMB Chatterick fejn ifforma l-ewwel kor fl-2010 u li spira s-serje The Choir fuq il-BBC TV.  Permezz ta' din l-attività, in-nisa li żewġhom jew is-sieħeb tagħhom qiegħed fuq servizz eluf ta' mili 'l bogħod, sabu mezz kif ineħħu t-tensjoni minn fuqhom, ikollhom f'min jistgħu jafdaw u jgħaddu ħinhom b'mod aktar struttiv. Permezz tal-kanzunetti, ħafna minnhom a cappella, sabu refuġju u unità bejniethom. Diversi kanzunetti popolari li jkantaw joħorġu minn fommhom b'mod spontanju u m'hemm xejn professjonali sakemm, fit-taħriġ intensiv tagħhom jkunu wkoll mistiedna f'kunċert prestiġġjuż f'Londra.  Dan hu film ġenwin, sempliċi, divertenti, fil-vena ta' xogħlijiet oħra Brittanici simili fl-ispirtu bħal The Full Monty (1997) (tal-istess direttur), Calendar Girls (2003) u speċjalment Brassed Off (1996). Iż-żewġ protagonisti, Kristin Scott-Thomas u Sharon Horgan, bħala Kate u Lisa, li jieħdu ħsieb il-kor tassew jirreaġixxu tajjeb flimkien.  Ironikament, l-aktar li jimpressjonaw fi ġlieda ta' argumenti verbali bejniethom f'parkeġġ tal-karozzi.

Like a Boss

Atturi Ewlenin: Tiffany Haddish; Rose Byrne; Salma Hayek; Billy Porter; Jennifer Coolidge; Ari Graynor.

Direttur: Miguel Arteta.

Maħruġ minn KRS Releasing. Tul: 83 min. Ċert. 15

Like A Boss hija kummiedja pwerili u mqanżħa dwar żewġt iħbieb nisa, b’personalitajiet tassew distinti, li jridu jkunu l-factotum fil-kumpanija tas-sbuħija tagħhom stess. 

Mia&Mel. Waqt li waħda hija prattikabbli ħafna u trid tagħmel l-affarijiet bil-galbu u l-paċenzja, l-oħra hi ħerqana ħafna li ssir sinjura f’qasir żmien biex tkun tista’ tgħix ħajja lussuża. Meta l-affarijiet tant imorru għall-agħar li jsibu rwieħhom finanzjarjament falluti, dawn ikollhom jirrikorru għand benefattrici mingħajr skrupli li l-għan ewlieni tagħha hu li takkwista d-ditta tal-kosmetiċi tagħhom taħt idejha. L-ewwel ħaġa li dawn iridu jagħmlu hu li jwittu d-differenzi ta’ bejniethom u jaraw kif se jirreaġixxu kontra din il-viljakka makakka. 

Ma jridx wieħed ikun għaref biex jirrealizza li din il-farsa zoppa tolqot biss il-gosti ta’ dawk it-tfajliet u nisa skjavi tal-moda u li jħobbu l-irtokk. 

Tiffany Haddish u Rose Byrne, iż-żewġ nisa li jinsabu fi kriżi jippruvaw sewwa biex jagħtu ħajja lil skript mingħajr sugu, waqt li Salma Hayek għalkemm għadha attraenti, tipprova taħdem parti ta’ waħda li tipprofitta ruħha mingħajr ma tindika dan. Il-mumenti umoristiċi u farseski huma ftit ferm u ’l bogħod minn xulxin. 

Film nieqes mill-oriġinalità u l-immaġinazzjoni, b’mumenti li fir-realtà ma jseħħux hekk, però kontinwament b’ħarsa lussuża.

 

More in Divertiment