Wara l-festi l-Covid-19 iħassar ukoll il-Karnival tas-Sajf
Festivals Malta spjegat li l-miżura ta’ social distancing ma tippermettix li l-parteċipanti jkunu viċin xulxin u għalhekk mhux possibbli jibdew iħejju għall-Karnival tas-Sajf
Festivals Malta ħabbret li l-Karnival tas-Sajf 2020, li normalment isir f’Awwissu, ġie kkanċellat u dan fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19.
Fi stqarrija, Annabelle Stivala, direttur ta’ Festivals Malta saħqet li filwaqt li wieħed jittama li s-sitwazzjoni titjieb b’mod sinifikanti sa Awwissu, sadanittant ma jistgħux jirriskjaw il-benesseri tal-parteċipanti matul ix-xhur li ġejjin, li matulhom is-soltu jinbnew il-karrijiet tal-karnival tas-sajf.
Spjegat li l-miżura ta’ social distancing ma tippermettix li l-parteċipanti jkunu viċin xulxin u għalhekk mhux possibbli li l-karrijiet ikunu lesti fil-ħin għall-Karnival tas-Sajf ta' Awwissu.
"Matul dawn iż-żminijiet ta' sfida, lkoll għandna nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex nibqgħu sikuri. Aħna nħarsu 'l quddiem biex naraw ġranet aħjar, biex lkoll inkunu nistgħu mmorru lura għall-ħajja normali kemm jista' jkun malajr,” saħqet Stivala.
Intant, il-ħidma se tkompli. Il-workshops li kellhom isiru f’April u li se jiffukaw fuq kif wieħed javviċina s-satira u d-disinn tradizzjonali tal-kostumi tal-Karnival xorta se jseħħ u qed isiru arranġamenti biex dawn ikunu jistgħu jiġu aċċessati online.