Il-Biedja ILLUM: X’ jagħmel il-bidwi fir-Rebbiegħa ?

L-ILLUM se tippubblika serje ta' erba' artikli dwar l-agrikolatura u l-bidwi f'Malta, artiklu għal kull staġun.  Illum se nibdew bir-Rebbiegħa bl-artiklu miġbur minn James Lupi Spencer, Amministratur tal-Grupp fuq Facebook intitolat ‘Dilettanti tal-Agrikoltura, Siġar u Pjanti

Il-frawli..
Il-frawli..

Fir-Rebbiegħa tisplodi n-Natura bi fjuri ta’ kull lewn u speċjalment dawk vjola u huwa perjodu li jiġbor fih il-festi tar-Randan u tal-Għid il-Kbir.
Ħafna uċuħ idumu madwar erba' xhur minn meta jkunu żerriegħa sakemm jinħasdu, u allura f’Marzu nibdew naħsdu dak li nkunu preparajna f’Novembru tas-sena ta’ qabel. Fost l-aktar uċuħ popolari li nsibu fir-Rebbiegha, hemm il-patata li tiġi preparata anke sabiex tiġi esportata, pastard, brokkoli, ġidra u l-frawli.

Fir-Rebbiegħa jkun hemm min iħawwel ix-xitel ġo xi serra jew taħt xi plastik ieħor. Min ikollu serra jkun jista’ jibda jizra’ u jħawwel aktar bikri (kmieni) u allura, bis-saħħa tal-kontroll tal-klima, jkun jista’ jkabbar prodotti ħafna aktar qabel u allura jilħaq suq tajjeb biex jinbiegħ.
Min ikabbar fil-bagħli, u allura ma jkollux aċċess għall-ilma, issa huwa ż-żmien opportun biex ikabbar ċertu uċuħ, bħall- qarabagħli, piżelli, xi tadam jew prodotti ohra. Ma ninsewx li jkollna t-tewm frisk li jibda jinqata’ f’dan iż-żmien u lkoll nafu kemm dan jiġi tajjeb moqli ma’ xi fenek jew stuffat. Ikollna t-tursin u l- karfus li jinżel għasel ma’ xi platt brodu f’xi temp kiesaħ ta’ Marzu jew mal-qaqoċċ mimli fil-Ġimgħa l-Kbira. Nibdew induqu xi ful u f’April nibdew nduqu wkoll il-piżelli u niċċelebraw il-festa ta’ frawli- bit- tjubija tal-frawli Maltija tixhed il-kapaċita` tal-bdiewa tagħna.

Is-siġar jibdew jarmu rimjiet ġodda u l-lewż u l-ħawħ flimkien ma siġar oħra jibdew jimlew il-ward biex jippreparaw għall-frott. Nibdew naraw in-naspli jsir f’April u xi tin jibda jgħaqqad ukoll. F’Mejju jibda wkoll xi tilqim tas-siġar bil-qoxra fejn ċertu tip ta’ siġar jitlaqqam biex jagħmel xi tip ieħor ta’ frott li wieħed jixtieq.

Il-bidwi dejjem jiġġieled kontra x-xita li tagħmel wara nofs April għaliex kif jgħidu ‘Xita wara San Mark (25 t’April) nar fl-art’ jiġifieri jekk tagħmel xita wara dan iż-żmien ikun ifisser probabbilta` ogħla ta’ mard fuq xi uċuħ li jkunu għadhom jibdew bħall- qarabagħli u t-tadam u allura jkun għaqli li jiġu trattati b’xi kupru biex jipprevjeni minn xi fungu li jattakka dawn il-pjanti.  Pero` l-akbar uġiegħ ta’ ras ikun l-uċuħ taż- żagħra (ċereali bħall-qamħ) li tkun waslet biex tinħasad u allura jekk tixxarrab jaf titħassar u ma tkunx tajba biex tinġabar. Ta’ min jgħid li ħafna bhejjem jiġu magħlufa minn dan il-magħlef u jekk ma jkollniex biżżejed minn ta’ Malta stess ikollna nixtru minn ta’ barra li jqum aktar flus u li allura jirriżulta f’anqas gwadann għal dawk li jrabbu l-bhejjem.

Ta’ min isemmi wkoll li fir-rebbiegħa jilħqu hafna ward bħall-ġiżi, il-freżja u l-buqari li s-soltu nużaw fis-sepolkri jew biex ingawdu fi djarna. Naraw xi uċuħ bil-pepprin ħamrani jew silla li taqsam bir-riħa. Ħafna jibdew jahsbu għall-ward tas-sajf bhal vinka, sardinell, petunji jew qronfol.

Inlestu n-nases għat-Tuta absoluta- insett qerriedi li jagħmel ħerba fuq it-tadam- u nilqgħu kontra l-mard tad-dubbiena tal-frott fuq is-siġar kollu tal-frott bħat-tin. Nilqgħu wkoll kontra s-susa li tattakka l-patata. Naturalment nindukraw dawk l-uċuħ bħall- basal u t-tewm li jkun ilhom minn Jannar imħawwlin u li baqalhom s’Awissu fl-art.

F’Marzu nferrxu d-demel qabel ma naħdmu wiċċ ieħor u mbagħad naraw li nippreparaw dawk l uċuħ tal-bħajra li huma dawk l-uċuħ li naħsdu fis-sajf li jinkludu l-bettieħ u d-dulliegħ. Nippreparaw ukoll il-qargħaħamra u t-tadam, ħjar, kurrat, zunnarija, ħass, kaboċċi u pastard fost oħrajn. Is-sħana tibda turi snienha u allura t-tisqija hija importanti aktar minn qabel u speċjalment jekk it-tira’ (ilma miżmum fil-ħamrija) tkun nieqsa (minħabba n-nuqqas ta’ xita fix-xitwa) u allura l-bidwi jkun irid isaqqi aktar u jagħmel użu minn metodi bħal ‘mulching’ fejn jitgħatta wiċċ il-ħamrija b’xi tiben jew plastik biex iżomm l-umdu u japplika irrigazzjoni effiċjenti bħal m’hija dik tad-drip fejn l-ilma jiġi mogħti lill-pjanti qatra, qatra.

More in Divertiment