‘Magical Mosta’: Dawra unika madwar il-belt tar-Rotunda

Fl-4 ta’ April 2023, il-Knisja Parrokkjali tal-Mosta bdiet toffri l-attività ‘Magical Mosta’ kull nhar ta’ Tlieta bejn l-10:30 am u t-3:30 pm

Fl-4 ta’ April 2023, il-Knisja Parrokkjali tal-Mosta bdiet toffri l-attività ‘Magical Mosta’ kull nhar ta’ Tlieta bejn l-10:30 am u t-3:30 pm. Din l-esperjenza hija maqsuma fi tliet partijiet, li matulhom wieħed jista’ jesplora l-Mosta filwaqt li jgawdi xi attivitajiet eċitanti. 

PARTI I 

Hekk kif jaslu fir-Rotunda tal-Mosta, il-viżitaturi jkunu milqugħa fis-sagristiji tal-knisja, fejn wieħed jista’ jsib ir-replika famuża tal-Miracle Bomb, kif ukoll varjetà ta’ wirjiet reliġjużi. Għal xi kuntest storiku; fid-9 ta’ April 1942 waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, żewġ bombi tal-ajru Ġermaniżi  laqtu l-Knisja tal-Madonna Assunta fil-Mosta. Waħda minnhom kienet iddevjat, però l-oħra daħlet minn ġol-koppla u waqgħet fil-knisja bin-nies fiha - il-miraklu hu li qatt ma splodiet! 

Jekk tixtieq isir taf aktar, fuljetti li jiddettaljaw l-avveniment se jitqassmu f'diversi lingwi. Barra minn hekk, tista’ tniżżel applikazzjoni tal-mowbajl, li fiha video ta’ 7 minuti dwar il-Mosta. Il-viżitaturi jistgħu wkoll imorru fix-Xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija, li fih ukoll żewġ wirjiet; waħda turi ritratti ta’ Malta meħuda fi żmien il-gwerra, filwaqt li l-oħra turi l-apparat użat għall-vokazzjonijiet tradizzjonali Maltin. 

PARTI II 

Għat-tieni parti tal-esperjenza, il-viżitaturi jittieħdu fuq mawra bil-mixi madwar it-toroq qodma tal-Mosta u jżuru diversi postijiet tal-interess. Bl-akkumpanjament ta’ membru mit-tim, ikollok aċċess esklussiv għall-aqwa attrazzjonijiet moħbija tal-Mosta. Barra minn hekk, il-fuljetti jiddettaljaw l-importanza ta’ kull rokna, u aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq l-applikazzjoni tal-mowbajl. 

PARTI III 

Fiċ-ċentru tal-Mosta hemm dar tipika li ilha hemm mill-1800. Fl-1974, l-aħwa Grezzju, Ġużeppa, u Sunta taw ‘Dar Mustija’ lill-Parroċċa tal-Mosta. Minn dakinhar ‘l hemm, saret ċentru għall-edukazzjoni u l-formazzjoni reliġjuża. Illum, id-dar qed tintuża biex issellem lill-viżitaturi ta’ Magical Mosta, kif ukoll tipprovdilhom ikel u xorb tradizzjonali. Dan jinkludi buffet Malti li joffri pastizzi, qassatat, bigilla u gallettini tal-ilma, ftira tat-tonn Malti, u aktar! Il-viżitaturi jistgħu jgawdu ikla Maltija, filwaqt li jirrilassaw fil-ġnien mdawrin bis-siġar tal-larinġ. 

Kull min huwa interessat jista’ jibbukkja fuq din is-sit: https://mostadome.app/magical-mosta/. Il-biljetti jiswew €25 għall-kbar, għalkemm tfal taħt 12-il sena jistgħu jidħlu b’xejn sakemm ikunu akkumpanjati minn adult. Biljett wieħed jiggarantixxi aċċess għal dawn is-siti u attivitajiet kollha, li ħa jibqgħu offruti kull nhar ta’ Tlieta sas-26 ta’ Diċembru 2023. 

More in Divertiment