maltabiennale.art: L-Ewwel Biennale ta’ Malta mħabbra għall-2024

Is-sena d-dieħla se ġġib magħha l-edizzjoni inawgurali ta’ ‘maltabiennale.art’, kif ħabbar iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall

Is-sena d-dieħla se ġġib magħha l-edizzjoni inawgurali ta’ ‘maltabiennale.art’, kif ħabbar iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall. Bħala l-ewwel Biennale li qatt kienet iċċentrata fuq Malta, l-edizzjoni hija mistennija tkun l-avveniment kulturali tas-sena. maltabiennale.art hija inizjattiva ta’ Heritage Malta, organizzata flimkien mal-kollaboratur ewlieni tagħha l-Kunsill Malti għall-Arti, fost oħrajn. 

Minkejja dan, il-biennale xorta waħda se tinkludi artisti internazzjonali; It-80 artist li se jieħdu sehem jiġu minn 23 pajjiż differenti, għalkemm 24 minnhom huma Maltin, u tnejn oħra jiffurmaw parti mid-dijaspora Maltija. Il-festi se jkunu mifruxa madwar Malta u Għawdex f’21 sit storiku – 17 minnhom taħt il-kura ta’ Heritage Malta. It-tempji megalitiċi tal-Ġgantija, l-Armerija tal-Birgu, u l-Palazz tal-Gran Mastru tal-Belt li għadu kif ġie rinnovat, se jservu bħala l-postijiet primarji. 

Barra minn hekk, il-biennale se jkollha programm pubbliku b’parteċipazzjoni minn istituzzjonijiet bħaċ-Ċentru Internazzjonali għall-Interpretazzjoni u l-Preżentazzjoni ta’ Siti ta’ Wirt Dinji (the International Centre for the Interpretation and Presentation of World Heritage Sites) [UNESCO], il-Biennale de la photographie f’Larnaca u Mulhouse, l-Academy of Arts f’Firenze, l-Universita’ ’L’Orientale’ ta’ Napli u l-Universitajiet IULM ta’ Milan, kif ukoll Image Threads fi New York. Il-parteċipanti lokali jinkludu l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Festivals Malta, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Magna Żmien, ŻfinMalta, KorMalta, it-Teatru Manoel, u Heritage Malta. 

Din il-biennale tgħaqqad l-arti kontemporanja mal-wirt nazzjonali, bil-għan li ttejjeb u tiddiversifika settur billi trawwem djalogu bejn l-arti Maltija u dik li teżisti barra l-fruntieri tagħha. L-artisti li se jipparteċipaw jinkludu xi artisti magħrufa bħal Tania Bruguera ta’ Kuba, Andrea Ferrero tal-Messiku, Barbra Kapusta tal-Awstrija, Dew Kim tal-Korea t’Isfel, Edson Chagas tal-Angola, Amy Bravo tal-Istati Uniti, Anna Anderegg tal-Iżvizzera, u l-Post Disaster Collective tal-Italja, fost oħrajn. 

Austin Camilleri, Norbert Attard, Trevor Borg, Romeo Roxman Gatt, u Martina Farrugia huma wħud mill-artisti Maltin li se jieħdu sehem f’maltabiennale.art. Hekk kif indikaw l-2,500 xogħol li ġew sottomessi minn aktar minn 100 pajjiż, il-biennale għandha tiggarantixxi lil Malta post fil-kalendarju kulturali globali.  

maltabiennale.art qed isseħħ minħabba l-isforzi kollaborattivi tat-tim kuratorjali tiegħu, li jinkludi d-Direttur Artistiku u Kuratur Ewleni Sofia Baldi Pighi, id-Deputat Direttur Artistiku u d-Disinjatur tas-Setup Nigel Baldacchino, flimkien mal-kuraturi Elisa Carollo u Emma Mattei. Taħt il-patroċinju tal-UNESCO u l-President ta’ Malta, l-ewwel biennale tal-arti ta’ Malta se ssir mill-11 ta’ Marzu sal-31 ta’ Mejju 2024, u tikkoinċidi perfettament mal-wasla tar-rebbiegħa. 

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit maltabiennale.art

More in Divertiment