Il-film divertenti ta’ Mary Poppins
Mary Poppins, film tal-1964 tal-kumpanija Walt Disney, baqa’ dejjem popolari mal-familji speċjalment fi żmien il-vaganzi tal-Milied
Mary Poppins, film tal-1964 tal-kumpanija Walt Disney, baqa’ dejjem popolari mal-familji speċjalment fi żmien il-vaganzi tal-Milied. Għalkemm dan l-artiklu hu ddedikat lil din il-fantasija tassew ħelwa li tmiss is-sentimenti mhux biss taż-żgħar imma anki tal-kbar ta’ dispożizzjoni ġentili, f’dan l-artiklu se nsemmi wkoll il-film tal-2013, Saving Mr. Banks għax dawn it-tnejn għandhom relazzjoni intrinsika flimkien. Se naċċenna wkoll fil-qosor fuq Mary Poppins Returns, il-produzzjoni tal-2018.
Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin, il-films mużikali bdew isiru rarità f’Hollywood. Walt Disney kien evita milli jipproduċi xi xogħol mużikali b’atturi reali fuq skala kbira, l-għaliex il-films animati (cartoon) tiegħu, b’diversi kanzunetti memorabbli, dejjem għamlulu suċċess. Finalment, fil-bidu tas-snin sittin storja dwar governatriċi (nanny) li tagħmel is-sħaħar, mill-kittieba Ingliża P. L. Travis, ipperswadiet lil Disney li kien wasal il-ħin propizju għall-produzzjoni mużikali lussuża u spettakulari, proġett li bħalu qatt ma għamel qabel.
Mary Poppins, addattat għal fuq il-liżar il-kbir mill-kittieba veterani Bill Walsh u Don De Gradi, għamel suċċess kbir ta’ malajr. Għalkemm membri oħrajn mill-istaff tal-istudio tiegħu ma setgħux jifhmu kif Disney kien qiegħed jonfoq daqshekk flus fuq proġett li l-kumpaniji kbar l-oħrajn kienu kkonsidrawh li żmienu għadda, l-istint tiegħu, bħas-soltu laqat il-likk.
L-udjenzi bi ħġarhom marru jaraw dan il-film u l-bejgħ tal-merkanzija ta’ dan ix-xogħol kuljum żied fid-dħul fenominali tal-flus, li fl-Amerka biss sal-1967, għax sa dak iż-żmien Mary Poppins reġa’ ħareġ kemm-il darba, laħaq is-somma favoluża ta’ $45 miljun.
Wara li sar premiere kollu xinxilli ta’ dan il-film, f’Londra kien innominat għal 13-il Academy Award (Oscar) u rnexxielu jirbaħ f’5 kategoriji – l-Aqwa Attriċi (Julie Andrews fl-ewwel film tagħha), l-Aqwa Editjar, l-Aqwa Mużika, l-Aktar Kanzunetta Oriġinali u Effetti Speċjali Viżivi.
L-istilla tal-film kienet, bla dubju ta’ xejn, Julie Andrews li bil-karattru li interpretat kienet perfetta f’kull manjiera, sew meta ttir, sew meta ġentilment tillendja fuq l-art, b’umbrella f’id waħda u basket miżmum sod f’idha l-oħra, kif ukoll meta tkanta jew tiżfen f’xi waħda mid-diski mużikali ta’ din il-produzzjoni. Kellha wkoll support mill-aqwa minn Dick Van Dyke bħala Bert, dak li jnaddaf iċ-ċmieni u jitkellem bil-cockney (djalett ta’ Londra). Xi ħadd ta’ talent inqas kien żgur ikun iddominat minn Miss Andrews bil-preżenza tagħha, imma r-rutina tiegħu fis-sekwenzi mużikali magħha tassew huma delizzjużi u jaqbdu l-immaġinazzjoni ta’ kulħadd.
Barra dawn iż-żewġ protagonisti, partijiet oħra eċċellenti kienu ta’ David Tomlinson u Glynis Johns bħala Mr. u Mrs. Banks, il-ġenituri tat-tfal interpretati minn Matthew Garber u Karen Dotrice, Ed Wynn bħala l-eċċentriku ziju Albert u Hermione Baddeley, Ellen is-seftura.
Il-kanzunetti memorabbli tal-film jinkludu Superfragilisticexpialidocious (kelma vvintata ta’ 30 ittra li Julie Andrews anki tippronunzjaha bil-maqlub), Chim-Chim-Cheree, A Spoonful of Sugar, Jolly Holiday u dik li tqabbdet dehxa, Feed the Birds li kienu fost l-aħjar li l-aħwa Richard M. Sherman u Robert B. Sherman qatt ikkomponew.