Il-film divertenti ta’ Mary Poppins
L-istorja tal-film isseħħ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, madwar is-sena 1910, ambjentata f’Londra ta’ żmien ir-Re Dwardu, b’sets imponenti mibnijin fl-istudios ta’ Disney
L-istorja tal-film isseħħ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, madwar is-sena 1910, ambjentata f’Londra ta’ żmien ir-Re Dwardu, b’sets imponenti mibnijin fl-istudios ta’ Disney u l-apparenza tagħhom qisha ħierġa minn xi ktieb tal-ħrejjef jagħtu lil din il-produzzjoni atmosfera ta’ fantasija matulu kollu. Wieħed jinnota din il-ħaġa fiż-żifna sfrenata, enerġetika u furjuża fuq il-bjut madwar iċ-ċmieni tal-belt Ingliża. Sekwenza speċjali oħra hi waqt il-kanzunetta Jolly Holiday li tikkombina karattri reali jiżfnu ma’ oħrajn animati.
Fiż-żmien qasir meta ħareġ dan il-film u l-mewt ta’ Walt Disney fl-1966, hu warrab min-nofs il-ħsieb li jagħmel sequel, waqt li Julie Andrews, eżatt wara, ħadmet f’The Sound Of Music, wieħed mill-aktar films ta’ suċċess għat-20th Century Fox. Fis-snin ta’ wara, il-kumpanija Disney reġgħet ippruvat taqbad l-ispirtu ta’ Mary Poppins f’numru mdaqqas ta’ xogħlijiet mużikali, l-aktar fosthom Bedknobs and Broomsticks (1971) u Pete’s Dragon (1977), imma l-falliment tagħhom, kemm artistikament u kemm finanzjarjament, indika li Mary Poppins kien wieħed biss, trijonf kbir għall-mibki ġenju Elias Walter Disney.
Din hi l-istorja tal-film:
George Banks (David Tomlinson), dixxiplinarju riġidu, irrabjat bin-numru kbir ta’ nannies tat-tfal tiegħu Jane (Karen Dotrice) u Michael (Matthew Garber) li jaqtgħu qalbhom u ma jkomplux, ineħħi din ir-responsabbiltà minn fuq martu Winifred (Glynis Johns) u jpoġġi avviż f’The Times għal xi governatriċi li ma taċċettax ħmerijiet mit-tfal tiegħu. L-għada filgħodu, wara l-bieb tiegħu, 17 Cherry Tree Lane, ikun hemm kju ta’ nisa ta’ bixra serja. Imma t-tfal kienu kitbu xi jridu huma mingħand in-nanny fuq karta li missierhom qatta’ u tefa’ fin-nar, iżda din taret miċ-ċumnija u waslet f’widnejn simpatiċi. Riħ qawwi jtajjar lin-nisa mqarbin li kienu qed jistennew wara l-bieb u fuq l-umbrella tagħha mill-ajru tasal Mary Poppins (Julie Andrews), li tinzerta tassew attraenti għat-tfal u għandha poteri maġiċi. Fl-ewwel mixja flimkien, hi tieħu lit-tfal ġo stampa tal-kampanja li s-sieħeb tagħha Bert pinġa bil-ġibs fuq il-bankina. F’ġurnata oħra jmorru jżuru liz-ziju tagħha Albert li meta jidħak jinqata’ mill-art u jibqa’ tiela’ sas-saqaf.
Mhux impressjonat b’dawn il-ħmerijiet, Mr. Banks jieħu lit-tfal tiegħu jżuru l-bank fejn jaħdem. Hemm ġew jinqala’ inċident b’Michael jirrifjuta li jiddepożita żewġ soldi li jkollu fuqu, b’ħaddiem t’hemm ġew jipprova joħodhomlu u hu jibda jiġri madwar il-bank. It-tfal jaħarbu u jittieħdu minn wieħed li jnaddaf iċ-ċmieni li jinzerta jkun Bert.
Mr. Banks jitkeċċa mill-bank u milqut mill-ħmerijiet jikkwota ċajta li t-tfal tiegħu tgħallmu minn Mary Poppins. Wara, il-President tassew anzjan tal-bank imut bid-daħk. Mr. Banks, issa bil-manjieri tiegħu mibdulin u aktar moħħ ir-riħ, jintalab biex jimla post fil-bord tal-bank, u Mary Poppins, issa x-xogħol tajjeb tagħha mitmum, titlaq minn fejn ġiet.
Biex tinnotaw ir-relazzjoni intima li hemm bejn Mary Poppins u Saving Mr. Banks se nsemmi wkoll l-istorja ta’ dan il-film li ħareġ kważi 50 sena wara. Maryborough, l-Awstralja fl-1906, Travis Goff (Colin Farrell), impjegat tal-bank, jipprepara biex iċaqlaq lil familtu f’post remot fil-kampanja. Londra 1961. Il-kittieba P. L. Travis (Pamela) (Emma Thompson) kontra qalbha żżur lil Walt Disney (Tom Hanks) f’Hollywood għal laqgħa bejniethom qabel tiddeċiedi jekk tbigħx id-drittijiet tan-novella tagħha, Mary Poppins. Bil-biża’ li x-xogħol tagħha jiġi adattat għat-tfal żgħar u jkun sentimentali, din il-mara stinata u formidabbli ta’ 62 sena tirrifjuta t-talbiet ta’ Disney u tirreżisti għal xi tibdil propost mill-kittieb, Don De Gradi (Bradley Whitford) u mill-kompożituri tal-kanzunetti, aħwa Richard u Robert Sherman (Jason Schwartzman u B. J. Novak).
Hi tibda tirrifletti fuq it-tfulija tagħha meta kien jisimha Helen. Tiftakar lil missierha, Travis Goff, alkoħoliku, jgħidilha stejjer strambi li jseħħu imma li għamlu x-xogħol tiegħu diffiċli. Bil-mod tħoss spirtu ta’ tfulija fil-films ta’ Disney. Tiftakar ukoll li l-karattru ta’ Mary Poppins ibbażatu fuq il-formidabbli zija Ellie. Hi tirrealizza li fl-istorja tal-kittieba ta’ Disney, din in-nanny maġika tiġi biex issalva lill-patrijarka Mr. Banks u tibda taċċetta. Meta ssir taf li Disney kien se jdaħħal karattri animati fil-film malajr tisbel u titlaq lura lejn darha. Disney jmur warajha lejn Londra u jgħidilha li Mary Poppins għamlu biex jifhem lil missieru li kien ta’ dixxiplina stretta u bir-raġun jinduna b’dak li Travis qed tħoss huma sentimenti li qatt ma ġew solvuti għal missierha u b’hekk hi tipproteġi dan il-ktieb b’mod feroċi. Hu jitlobha tafdah u fl-aħħar taċċetta, tattendi l-premiere tal-film f’Hollywood u toħroġ minn hemm bid-dmugħ f’għajnejha.
Minkejja li Walt Disney kien oriġinalment kontra li jinħadem sequel, id-diriġenti tal-kumpanija tiegħu ħasbu mod ieħor. Fl-2018 ħareġ il-film Mary Poppins Returns fejn il-parti tan-nanny ħadmitha Emily Blunt u dik ta’ Jack ħadimha Lin-Manuel Miranda, dejjem b’sellum miegħu biex jixgħel u jitfi l-fanali ta’ Londra fi żmien id-Dipressjoni (snin tletin). Il-film daħħal $345.5 miljuni u b’baġit ta’ $130 miljun dollaru ma nistgħux ngħidu li kien xi suċċess. Fil-preżent, bil-produzzjonijiet ta’ films dwar supereroj u oħrajn animati tassew meraviljużi, it-tendenza tbiddlet u films ta’ din ix-xorta m’għadhomx daqshekk jappellaw.