X’se naraw fiċ-ċinema fl-2024 (it-tieni parti)
Kollox ma’ kollox, l-2024 tidher li se tkun sena oħra ta’ produzzjonijiet varjati ta’ kull livell li jilħqu l-aspetti ta’ diversi spettaturi!
Kif stennejt u bsart meta kont qed infittex dwar liema films se jintwerew fit-teatri f’din is-sena ġdida, it-tendenza baqgħet l-istess u kważi ma tbiddlet xejn. Il-produtturi jafu li l-films tas-supereroj, l-aktar dawk animati, huma l-qofol tal-profitti, b’xi produzzjonijiet minnhom irendu mijiet ta’ miljuni ta’ dollari u sikwit anki jaqbżu l-biljun. Għal dawn l-aħħar 12-il sena jew ftit aktar, bdiet rivalità qawwija bejn DC Entertainment u Marvel Studios – id-djar tal-kotba komiks tas-supereroj – għall-ġlieda tal-profitti, u din se tkompli matul l-2024.
Produzzjonijiet oħrajn
Xi films oħra li jidhru interessanti u li suppost joħorġu fl-ewwel nofs tas-sena jinkludu:
The Boys in the Boat – Dwar it-tim tal-qaddiefa tal-Università ta’ Washington li fl-Olimpjadi ta’ Berlin tal-1936 ħadu l-medalja tad-deheb.
The Holdovers – Għalliem eċċentriku tal-Istorja (Paul Giamatti) ikun sfurzat jibqa’ fl-iskola fil-vaganzi ma’ student ribell li m’għandux post fejn imur.
The End We Start From – Waħda mara, mat-tifel tagħha li għadu kemm twieled, tipprova tmur lura d-dar waqt kriżi ambjentali twila fit-triqat ta’ Londra.
The Color Purple – Storja ta’ mħabba u reżiljenza li ddum deċennju sħiħ ta’ mara sewda u l-mira tagħha li ssir indipendenti wara li sofriet ħafna tbatijiet.
American Fiction – Wieħed li jikteb in-novelli jiddejjaq li l-media qed tapprofitta mid-divertiment tas-suwed. Juża isem psewdonomu biex jikteb ktieb mimli ipokrezija u ġenn li qabel kien jobgħod.
Jistgħu jkunu wkoll ta’ interess dawn il-produzzjonijiet: Poor Things, Role Play, Madame Web, Wicked Little Letters, Drive-Away Dolls, Mickey 17, Back to Black, If (proġett ġdid), Ballerina (thriller) u Borderlands.
Films tal-biża’ u twerwir
A Quiet Place: Day 1 – F’dan it-tielet film ta’ din is-serje se mmorru lura lejn l-ewwel ġurnata (xena li diġà rajnieha fil-qosor f’A Quiet Place 2 meta l-aljeni feroċi għomja llendjaw fid-dinja.
Outcome – Storja li ddur fuq Reef, stilla ta’ Hollywood, hekk kif ikun sfurzat jirrevedi l-problemi u jpatti għall-passat wara li jkun imminaċċjat b’video li juri affarijiet tal-biża’ mill-passat tiegħu.
Speak No Evil – Remake tal-film Speak No Evil tal-2022 dwar familja li tkun mistiedna tqatta’ weekend ġo villa ġenjali fil-kampanja. Din il-vaganza ideali tirriżulta f’ħolma psikoloġika.
Trap – Mingħand id-Direttur M. Night Shyamalan jasal Trap, bil-protagonista Hayley Mills u bl-informazzjoni dwar l-istorja s’issa miżmuma.
Imaginary – Waħda mara terġa’ lura fil-kamra ta’ tfulitha u tiskopri li l-ħabib immaġinarju ta’ tfulitha sar reali u mhux kuntent li telqitu.
Kif diġà aċċennajt, xi films tal-biża’ maħduma b’baġit modest irendu introjtu qawwi u b’hekk se joħorġu wkoll Scream VII u Saw XI. B’baġit ta’ inqas minn $35 miljun, Scream VI daħħal $169 miljun minn madwar id-dinja u Saw X, li sewa 13-il miljun, akkwista $109 miljuni minn kullimkien. Veru profitti tajbin! Produzzjonijiet oħra ta’ dan il-ġeneru, jinkludu: The Seeding, Wolf Man, The Strangers Trilogy, The Hunted u MaXXXine.
Barra l-films kollha li semmejt fil-kategoriji ta’ qabel insibu wkoll xi sequels, prequels, reboots u remakes oħrajn bħal Mean Girls, Beetlejuice 2, Venom Sequel (l-isem għadu mhux ikkonfermat) kif ukoll dak ġdid Karate Kid, Rebel Moon: Part Two – The Scargiver, Beverly Hills Cop: Axel F (jerġa’ jaħdem Eddie Murphy) u Transformers One.
Għal żmien il-Milied (Novembru u Diċembru 2024) hemm ippjanati Gladiator 2 (ħiereġ 22 ta’ Novembru) u Alto Kings (rivalità għall-mewt bejn żewġ kapijiet tal-Mafja fi New York) ibbażat fuq storja vera u The Lord of the Rings: The War of the Rohirrim. Wisq probabbli jista’ jkun hemm oħrajn li għadhom jinħadmu u mhux ipprogrammati fil-lista.