Tliet sekli, tliet sfidi, tliett nisa: Her Say not Hearsay

Spazju Kreattiv se jtella’ proġett teatrali b’kitba oriġinali dwar il-ħajja ta’ tliet nisa differenti u jirrakkonta l-istejjer tagħhom

Spazju Kreattiv se jtella’ proġett teatrali b’kitba oriġinali dwar il-ħajja ta’ tliet nisa differenti u jirrakkonta l-istejjer tagħhom.  

Her Say not Hearsay, jittratta tliet temi relatati mal-mara.  

L-ewwel monologu jmur lura għall-1945, meta n-nisa li jaħdmu kienu qed jingħataw is-sensja u jaffaċċjaw numru ta’ riperkussjonijiet. Il-karattru ta’ żagħżugħa qalila, imqanqla mill-moviment Suffrazzjoni tqum fuq saqajha biex tisfida l-aspetti reliġjużi u soċjali fis-soċjetà maħnuqa ta’ dak iż-żmien.  

It-tieni monologu jittratta l-menopawsa u l-istigma marbuta ma’ realtà li tolqot lin-nisa kollha. Il-monologu huwa infuż b’umoriżmu u sitwazzjonijiet reali li jġiegħel lill-udjenza taħseb dwar kif in-nisa jinnavigaw f’din il-fażi tranżizzjonali f’ħajjithom.  

It-tielet monologu jagħti xena realistika dwar il-vjolenza domestika, u jqalleb l-isfumaturi kkomplikati ta’ xiex, kif, u għaliex din il-forma ta’ vjolenza trid tiġi denunzjata b’mod inekwivoku. Dan il-monologu jixħet dawl fuq x’konessjonijiet umani wieħed jagħmel u jġiegħel lill-udjenza tqis ir-realtajiet ħorox li jġarrbu relazzjonijiet bħal dawn.  

Her Say not Hearsay tesplora b’qawwa l-esperjenza femminili u minn liema esperjenzi jkollha tgħaddi minnhom il-mara. Esperjenzi ta’ żvilupp personali f’tilwima mal-isfidi tas-soċjetà. Dan il-proġett se jkun esebit bil-Malti b’sottotitli bl-Ingliż.  

Żuru Teatru Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta nhar it-8, 9, u 10 ta’ Marzu 2024 mit-8pm ’il quddiem sabiex issegwu din il-produzzjoni. Il-biljetti jinxtraw minn fuq is-sit https://kreattivita.org/en/

More in Divertiment