BAĦĦ: Festa Teatrali f’Ħal Għargħur
Il-produzzjoni tifli lill-bniedem post-Modern u tistaqsi jekk jeħtiġlux jitneżża’ mill-ħafna qoxriet bla fejda li libes, li jasal sal-BAĦĦ, biex imbagħad iterraq it-triq fejn jista’ jiskopri hu min hu
Il-produzzjoni BAĦĦ, imħejjija mill-għaqda teatrali DWAL ĠODDA, qed tħejji festa teatrali għall-qabel il-Ġimgħa Mqaddsa.
Il-produzzjoni tifli lill-bniedem post-Modern u tistaqsi jekk jeħtiġlux jitneżża’ mill-ħafna qoxriet bla fejda li libes, li jasal sal-BAĦĦ, biex imbagħad iterraq it-triq fejn jista’ jiskopri hu min hu.
Kulħadd jiġuh mumenti fejn iħoss BAĦĦ jgħawwar ġo fih. Fin-niket u wġigħ ġieli jġarrab il-BAĦĦ li ma jafx fejn se jagħti rasu. Ġieli wkoll meta f’xi festa ‘jgħaddi kollox’ jinħass baħħ li donnu kollox tar mar-riħ.
Dan is-sentiment ħassu Abram meta ma setax ikollu tfal, minkejja li Alla wiegħdu li suppost kellu jkollu iben. Ħassu iktar meta dan seħħ, imbagħad intalab li joffrih sagrifiċċju. Marija, għal ftit, ħasset il-BAĦĦ ta’ min ma jistax jifhem. Il-Lhud ħassewh meta riedu jagħmlu lin-Nazzarenu sultan u ħarbilhom. U l-għajta nbidlet minn ‘OSANNA’ għal ‘SALLBU’.
Dan jista’ jfisser li, quddiem dak li jitqies bħala “l-kobor ta’ Alla”, dak li jkun jeħtieġ jiżvojta mix-xenqat u x-xewqat tiegħu. Iebes dal-proċess. Mhux lakemm tifhmu, aħseb u ara tgħixu.
Jista’ jkun li hawn joqgħod il-kliem: ‘Ħa jsir minni skont kelmtek’ u ‘Mhux li rrid jien imma li trid int’.
Biex jinħoloq ambjent ta’ familja u sens ta’ komunità se jsiru erba’ rappreżentazzjonijiet żgħar tal-produzzjoni BAĦĦ fl-Ispazju Teatrali ta’ Ħal Għargħur.
Jekk interessat/a, irriserva postok minn qabel peress li postijiet huma limitati.
BAĦĦ se jsir mill-20 sat-23 ta’ Marzu fis-7.30pm u nhar Ħadd il-Palm, 24 ta’ Marzu fit-3.00pm.
Għal aktar informazzjoni idħol fuq il-paġna ta’ Facebook, DWAL ĠODDA