Espożizzjoni tal-Kurċifiss Mirakoluż u tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Franġisk t’Assisi
Il-Kurċifiss u r-Relikwa se jkunu esposti flimkien għall-qima tal-pubbliku fuq l-artal maġġur bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li matulhom l-Ordni Franġiskan qiegħed ifakkar it-800 anniversarju mill-għoti tal-pjagi lil San Franġisk t’Assisi
Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju 2024, fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù tal-Belt Valletta (Ta’ Ġieżu) tal-Patrijiet Franġiskani se ssir espożizzjoni unika tal-Kurċifiss Mirakoluż, magħruf bħala Ta’ Ġieżu, flimkien mar-Relikwa tad-Demm ta’ San Franġisk ta’ Assisi.
Il-Kurċifiss u r-Relikwa se jkunu esposti flimkien għall-qima tal-pubbliku fuq l-artal maġġur bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li matulhom l-Ordni Franġiskan qiegħed ifakkar it-800 anniversarju mill-għoti tal-pjagi lil San Franġisk t’Assisi.
Il-Kurċifiss ta’ Ġieżu nħadem fis-seklu 17 u wara l-aħħar xogħol ta’ restawr u konservazzjoni kien ikkonfermat li nħadem mill-artist Sqalli Fra Innocenzo. L-aħħar li l-Kurċifiss inħareġ fil-Knisja kien fl-2022 fi żmien it-tmiem tal-pandemija tal-Covid-19.
Ir-Relikwa tinkludi parti minn garża mċappsa bid-demm li l-patrijiet kienu jużaw biex idewwu l-pjagi ta’ San Franġisk. Ir-relikwa kienet inġiebet Malta fl-1742 u kienet irregalata lill-Patrijiet Franġiskani minn Monsinjur Paolo Alpheran de Bussan, li serva bħala Isqof ta’ Malta bejn l-1728 u l-1757.
Dakinhar, mis-7am sa 12pm se tkun iċċelebrata quddiesa kull siegħa. Il-quddiesa tal-10:00am se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Il-knisja se tibqa’ miftuħa sat-8:00pm, b’quddiesa tiġi ċċelebrata wkoll fil-5.00pm u oħra fis-6.15pm immexxija mir-Rev. Gwardjan Patri Ramon Farrugia OFM. Saċerdoti se jkunu disponibbli għas-Sagrament tal-Qrar matul il-ġurnata kollha. Matul il-ġurnata ta’ din l-espożizzjoni se jkunu qed jitqassmu santi b’biċċiet tat-tajjar mimsusa ma’ dan il-Kurċifiss mirakoluż.
Matul l-istess ġurnata, il-pubbliku se jkollu ċans igawdi wkoll ix-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fuq opri ġewwa kif ukoll fuq barra ta’ din il-knisja.