Ħajjitna, dramm għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa minn Skene
Skene se jtella' dramm minsuġ fuqna, l-umanità li tiltaqa' wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù
Ħajjitna huwa dramm dwar il-ħajja għalkemm ilaqqagħna mal-mewt kiefra fuq Salib. Huwa dramm dwar bnedmin li f’xi ħin ta’ ħajjithom ħabtu wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù ta’ Nazzaret. U quddiem dan Ġesù mhux kulħadd iġib ruħu l-istess, min iħobbu, min jagħdru, min isaħħru, min jużah għal skopijiet ta’ moħħu u min jeħodha kontrih.
Il-personaġġi ta’ dan id-dramm b’xi mod jirrappreżentaw l-umanità; lilna li wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù, f’xi ħin ta’ ħajjitna rridu nagħżlu x’se nagħmlu. Kultant mhux faċli u xi drabi naqgħu fix-xibka u nitfixklu bħal ma tfixklu Ġuda, Pietru, Pilatu u s-Sanhedrin. Xi drabu nkunu ewforiċi bħalma kienu Magdala u Ester imma dan hu s-sabiħ li tiltaqa’ ma’ Ġesù ta’ Nazzaret għax Hu jibdillek ħajtek u tħoss li għandek tiftaħ qalbek miegħu.
Ħajjitna huwa dramm minsuġ bejn storja u fantasija, b’karattri storiċi u oħrajn maħluqa biex joħroġ il-messaġġ. Il-produtturi jittamaw li dan id-dramm jgħinkom ukoll tirriflettu.
Id-dramm huwa miktub minn Patri Ġwann Abela u għandu direzzjoni ta’ Joseph Fenech u Marvic Massa. Se jittella’ fit-Teatru Metanoia nhar it-23 u l-24 ta’ Marzu 2024.