Il-film mużikali 'Gigi' (L-ewwel parti)
Il-kittieba Franċiża Colette, imwielda bl-isem sħiħ ta’ Sidonia Gabrielle Claudine Colette, f’Saint-Sauveur-en-Puisage fl-1873, kitbet serje ta’ novelli bbażati fuq it-tfulija tagħha stess. Aqra aktar dwarhom hawn.
Fl-1958 ħareġ il-film mużikali Gigi li għamel suċċess u li kien ibbażat minn fuq in-novella ta’ Colette. Gigi, tfajla spirituża adolexxenti li tgħix f’Pariġi lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, tkun imrawma minn zijietha bħala korteżana, jiġifieri waħda b’manjieri edukattivi u ħelwin biex takkumpanja lill-irġiel f’xi attività soċjali, skont it-tradizzjoni tal-familja tagħha. Qabel ma tkun propjament lesta għad-dehriet soċjali tagħha, tiltaqa’ mal-għażeb Gaston Lachaille li jaf kif jgħix liberu u tassew taffaxxinah hekk kif hi tittrasforma ruħha bħala sinjorina żagħżugħa ta’ qagħda tajba u disponibbli.
Il-kittieba Franċiża Colette, imwielda bl-isem sħiħ ta’ Sidonia Gabrielle Claudine Colette, f’Saint-Sauveur-en-Puisage fl-1873, kitbet serje ta’ novelli bbażati fuq it-tfulija tagħha stess, dwar l-avventuri ta’ tifla li bdew bi Claudette a’ l-Ecole (1900) (Claudette fl-Iskola), flimkien mal-ewwel raġel tagħha Henri Gauthier-Villars (Willy), 15-il sena ikbar minnha. Wara li ddivorzjat fl-1906, saret żeffiena fis-swali ewlenin tal-mużika. L-aktar li saret magħrufa huwa għall-istudji ta’ karattri simpatiċi jew psikoloġiċi ggwidati mill-istinti tagħhom stess. Bejn l-1907 u l-1945, is-sena ta’ meta ppubblikat Gigi (lestietu fl-1944), hi baqgħet imsemmija, fost oħrajn, għal mhux inqas minn tmien novelli. Waħda minnhom Cheri nħadmet ġo film Franċiż fl-2009. Colette mietet fl-1954 ta’ 81 sena. Colette għamluha membru tal-Akkademja Rjali tal-Belġju (1935) u l-Akkademja Franċiża ta’ Goncourt (1945) u Uffiċjala Grandjuża tal-Legion of Honour Franċiż – 3 unuri rarament mogħtija lil xi persuna tas-sess femminili.
Fl-1948 kien hemm produzzjoni ċinematografika Gigi, imma mhux film mużikali bl-attriċi ewlenija Daniele Delorme li ħadmet f’żewġ xogħlijiet oħra bbażati minn fuq stejjer ta’ din il-kittieba. Ta’ min isemmi li l-produzzjoni oriġinali fuq il-palk ta’ Broadway ta’ Edwin Lester fl-1973 kellha traġitt diżappuntanti b’103 wirjiet biss, però xorta waħda rebħet l-unur Tony għall-aħjar mużika. Produzzjoni ġdida ta’ dan ix-xogħol mużikali addattata minn Heidi Thomas u diretta minn Eric D. Schaeffer kellha l-premiere tagħha fil-Kennedy Center ta’ Washington D.C. f’Jannar 2015 u ntweriet fuq Broadway mit-8 ta’ April sal-21 ta’ Ġunju 2015 fit-teatru Neil Simon.
Fl-1948 ħareġ il-film Franċiż Gigi u tliet snin wara Anita Loos addattat din in-novella għall-palk. Fil-produzzjoni ta’ Gigi fi Broadway dehret fil-parti prinċipali Audrey Hepburn, fl-ewwel irwol maġġur tagħha. Seba’ snin wara, waqt li My Fair Lady kien qed isir fuq il-palk ta’ Philadelphia qabel fetaħ fuq Broadway, Arthur Freed resaq lejn Alan Jay Lerner dwar il-possibilità li jinħadem film mużikali. Il-mużiċist Frederick Loewe kien determinat li qatt iżjed ma’ jaħdem għall-films, imma tant inkaram meta qara l-ktieb li aċċetta li jikkollabora fuq dan il-proġett. Il-film Gigi tal-1958 kien suċċess, kemm kummerċjali u kemm kritikament, u spiċċa biex kienet l-iżjed produzzjoni li rebħet Oscars sa dik is-sena fl-istorja taċ-ċinema.
Edwin Lester, il-fundatur tal-Los Angeles Civic Light Opera talab għall-verżjoni għall-palk tal-film Gigi u Lerner u Loewe wara kitbu dan il-musical għall-palk. Huma żiedu erba’ kanzunetti u
ballet. Din il-verżjoni saret l-ewwel f’San Francisco nhar il-15 ta’ Mejju 1973 u wara għamlet dawra mal-pajjiż għal sitt xhur sħaħ.
Fil-West End ta’ Londra kien fit-teatru Lyric li beda din il-wirja fis-17 ta’ Settembru 1985 fejn damet issir għal seba’ xhur. First Night Records ħarġu album ta’ dan ix-show tal-palk bl-atturi tal-kast Ingliż. Il-produzzjoni ta’ dan il-musical, b’adattament ġdid ta’ Heidi Thomas, dirett minn Eric D. Schaeffer u bil-koreografija ta’ Josh Bergasse, fetħet fiċ-ċentru Kennedy, teatru Eisenhower mis-16 ta’ Jannar sat-12 ta’ Frar 2015. L-attriċi tal-films Vanessa Hudgens ħadmet il-parti tal-protagonista Gigi.