Films importanti dwar il-boxing (L-ewwel parti)

Carmel Bonnici jagħti ħarsa lejn l-aqwa films tal-boxing

L-attur Sylvester Stallone fil-parti ikonika ta’ Rocky Balboa
L-attur Sylvester Stallone fil-parti ikonika ta’ Rocky Balboa

Forsi l-aktar sports popolari fl-Istati Uniti hu l-baseball u fuq dan is-suġġett ħarġu pataflun ta’ films, kif ukoll fuq id-dixxiplina l-oħra, pjuttost imħarrka u anki vjolenti, il-Futbol Amerikan. Però, il-films dwar il-boxing tassew iddominaw din l-isfera sportiva, speċjalment meta ċ-champion tad-dinja fil-kategorija heavyweight tkun persuna Amerikana jew Afro-Amerikana. 

Il-boxing hija dixxiplina sportiva bejn żewġ ġellieda libsin ingwanti protettivi li jaffaċċjaw lil xulxin, jagħtu bil-ponn lil xulxin l-aktar fuq il-wiċċ u r-ras, fuq pjattaforma elevata għal xi ħin determinat. Il-boxing tad-dilettanti (propjament mhuma dilettanti xejn imma amateur boxing) huwa sport inkluż fl-Olimpjadi, fil-logħob tal-Commonwealth u f’festivals sportivi oħra internazzjonali, barra li għandhom ukoll il-World Championship. Il-ġlieda organizzata tal-boxing tkun sorveljata minn referee, b’intervalli ta’ tlieta jew erba’ minuti, fejn il-kompetituri jduru u ġieli anki jiġru jersqu lejn xulxin fuq il-pjattaforma. Ir-riżultat aħħari jkun deċiż meta r-referee jħoss li xi avversarju ma jkunx f’sikktu li jkompli jikkumbatti, jew li jkun skwalifikat għax jikser xi regola, jew iċedi meta jarmi x-xugaman.  

Ir-rebbieħ u t-tellief jixxandru fuq avviż elettroniku bil-punti mirbuħa fil-final tal-ġlieda. F’każ li ż-żewġ kontestanti jieħdu l-istess punti mill-ġurija fil-ġlieda, f’kuntesti professjonali l-ġlieda tkun iddikjarata f’parità. Fil-logħbiet Olimpiċi, li bilfors fl-aħħar xi ħadd irid joħroġ rebbieħ, f’każ ta’ parità, il-ġurija tuża kriterji tekniċi biex tagħżel min tassew jistħoqqlu li jkun ir-rebbieħ. 

Il-ġlied bil-ponn oriġina mill-bidu nett tal-eżistenza umana. Bħala sport organizzat, l-oriġini ta’ din id-dixxiplina bdiet mill-Griegi antiki fil-logħob Olimpiku tas-sena 688 Qabel Kristu. Il-boxing baqa’ juri progress u titjib mis-sekli sittax u tmintax għar-rebħ ta’ unuri u anki flus, l-aktar fil-Gran Brittanja. Il-prekursur tal-boxing modern beda f’nofs is-seklu dsatax meta fl-1867 ġew introdotti r-regoli mill-Markiż ta’ Queensbury. Il-boxing modern fl-Olimpjadi beda fl-1904. 

Id-Direttur Clint Eastwood jieħu f’idejh l-irwol ta’ Frankie Dunn, li jibda jħarreġ lil Maggie Fitzgerald (Hilary Swank) fl-isport tal-boxing
Id-Direttur Clint Eastwood jieħu f’idejh l-irwol ta’ Frankie Dunn, li jibda jħarreġ lil Maggie Fitzgerald (Hilary Swank) fl-isport tal-boxing

Ħa naraw issa kif żvolġa dan l-isport fuq il-liżar taċ-ċinema. Ġellieda professjonali attwali ġew murija aktarx b’xi avvenimenti fittizji miżjuda ġo films li jinkludu lil Jim Corbett, interpretat minn Errol Flynn f’Gentleman Jim (1942), John L. Sullivan, iċ-champion li deher ukoll f’Gentleman Jim, parti maħduma minn Greg McClure f’The Great John L (1945), u l-leġġendarju Joe Louis, interpretat minn Coley Wallace f’The Joe Louis Story (1953). Paul Newman inkarna lil Rocky Graziano f’Somebody Up There Likes Me (1956), James Earl Jones kien Jack Johnson fil-produzzjoni tal-1970 The Great White Hope, Robert DeNiro interpreta lil Jake La Motta f’Raging Bull (1980), Denzel Washington kien bħala Rubin Carter f’The Hurricane (1999), Will Smith għamel il-parti ta’ Muhammed Ali (Cassius Clay) f’Ali (2001) u Russell Crowe tassew impressjona fis-superjuri Cinderella Man (2005) bħala James B, Braddock. 

Films oħrajn purament fittizji aktarx kienu jenfasizzaw il-korruzzjoni li teżisti f’dan il-logħob, fosthom The Ring, The Square Ring, The Square Jungle, Iron Man, Kid Galahad, Kid Nightingale, The Champ, The Crowd Roars, Body And Soul, The Set Up, Champion, Golden Boy, No Way Back, The Good Die Young, Run With The Wind, The Harder They Fall, Shiner u mill-Ewropa Walkover u The Boxer.  

Russell Crowe fl-2005 jaħdem fil-film Cinderella Man, flimkien ma’ Renée Zellweger u Paul Giamatti
Russell Crowe fl-2005 jaħdem fil-film Cinderella Man, flimkien ma’ Renée Zellweger u Paul Giamatti

Il-kummiedji tal-boxing huma rari jekk wieħed iħalli barra s-seje ta’ films Joe Paluka. Xi kummiedji li fihom hemm il-boxing huma: Bud Abbott and Lou Costello Meet the Invisible Man, Harold Lloyd f’The Milky Way, Danny Kaye f’The Kid From Brooklyn, Charles Chaplin f’The Champion u oħrajn. L-unika fantasija dwar il-boxing kienet Here Comes Mr. Jordan (1941), li fiha r-ruħ ta’ Robert Montgomery tiġi trasferita f’ġellied gwapp. L-aktar film brutali dwar dan is-suġġett kien, bla dubju ta’ xejn, Raging Bull li fih Robert DeNiro kellu jeħxien b’xi ħames libbri biex jinterpreta lil Jake La Motta meta kiber. Suċċess kbir fil-parti ta’ Rocky kellu Sylvester Stallone f’serje ta’ sitt films u tlieta oħra dwar Creed.  

Dan l-isport mhux destinat biex ikun għall-irġiel biss. Anki n-nisa qajmu rixhom ġo produzzjonijiet tajbin bħal Girlfight (2000) u dak tad-Direttur Clint Eastwood tal-2004, Million Dollar Baby. Charles Bronson ħa sehem ukoll f’Hard Times (1975) li hawn Malta rajnieh bl-isem aktar addattat ta’ Streetfighter, dwar glidiet mingħajr ingwanti bil-moħbi u kontra l-liġi għall-flus f’xi garaxx jew xi sqaq, f’xi maħżen, eċċ. Film brutali u vjolenti! 

More in Divertiment