Festival ta’ films qosra
Nista’ faċilment insostni li dawn il-films kollha għandhom andament li jinteressak u ġieli b’finali li ma tobsrux. Attentat verament tajjeb minn direttur li jidher intiż f’xogħlu u li jixraqlu inkoraġġiment!
Dan l-aħħar, ġo teatru lokali, sar il-wiri ta’ seba’ films qosra tad-Direttur Bruce Micallef Eynaud, bl-isem ta’ “Son Of God and Other Strange Tales”. L-għan ewlieni ta’ din l-attività kien biex id-direttur jiġbor biżżejjed flus biex ikun jista’ jissottometti dawn il-produzzjonijiet ġo festivals barra minn xtutna, speċjalment, ħalli jkollu għarfien minn numru kbir ta’ spettaturi, l-aktar minn dawk intiżi fit-teknika u l-ħdim tal-films. Wara, beħsiebu jġibhom online fi żmien sena jew aktar.
Bħalissa, ix-xogħol tas-Sur Micallef Eynaud hu li jidderieġi reklami kummerċjali għat-TV u jkompli jaħdem aktar films qosra fil-ħin liberu tiegħu biex iżjed jirfina t-teknika tiegħu f’dan ix-xogħol bit-tama li jkun jista’ jidderieġi films normali. Mill-kwalità artistika ta’ dawn il-films jien konxju li għad jista’ jilħaq il-ħolma ewlenija li għandu!
“Son Of God and Other Strange Tales” hija kumpilazzjoni ta’ seba’ films qosra tal-ġeneru tal-biża’/thrillers b’andament eċitanti u anki sorprendenti f’xi waqtiet. Dawn huma kollha miktubin, prodotti, u diretti minnu. Minn wieħed għall-ieħor ikun hu stess li jintroduċihom, b’mod mhux konvenzjonali u pjuttost umoristiku. It-taħlita ta’ ġeneri esebiti tikkonsisti fi stejjer primarjament tal-biża’, oħrajn ta’ iħirsa, ħolm ta’ twerwir, thrillers psikoloġiċi u anki laqta’ ta’ xjenza fittizja. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-films jinfiltra fil ta’ umoriżmu oskur. Min-naħa tiegħi, li ili snin twal affaxxinat u ddedikat għaċ-ċinema, innotajt fihom sekwenzi qosra li fakkruni f’mumenti ta’ films tal-passat u ninsab żgur li d-direttur mhux konxju tagħhom, ħlief ġo wieħed minnhom li se nsemmih aktar ’il quddiem.
“Son Of God and Other Strange Tales” ikopri dawn ix-xogħlijiet:
The Critic (2022): Dan il-film mimli b’atmosfera tetra hu ambjentat ġo ċinema. Wieħed kritiku aħrax, li jħobb imaqdar għal kull xejn, jattendi għall-wiri ta’ films qosra u malajr isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ twerwir u iżolament. F’mument minnhom dan fakkarni f’sekwenza ta’ “The Kentucky Fried Movie” (1977), satira umoristika ta’ diversi films differenti fosthom dawk tal-biża’.
Amy (2023): Amy hija vuċi tal-kompjuter/smartphone li tieħu grazzja ma’ Dave, li għandu l-maħbuba umana tiegħu. Din il-forma rivoluzzjonarja tal-Intelliġenza Artifiċjali bil-mod il-mod tiddomina l-ħajja tal-kreatur tagħha u ġġibu f’estremità li ma jafx kif se jirreaġixxi jew lil min se jagħżel. Hawn jidher ovvju li d-direttur kien ispirat mill-film “Her” (2013) tad-Direttur Spike Jonze, dwar kittieb riservat u mistħi li jinkaram wara l-leħen ta’ sistema ta’ intelliġenza artifiċjali li xtara.
Son Of God (2023): Dan hu dwar qassis li qed jiġuh dubji dwar il-vokazzjoni tiegħu waqt li qed ikun itturmentat mill-maħbub ħabib tiegħu biex jisraq pittura prezzjuża ta’ wiċċ Kristu li tinsab fil-knisja tiegħu u bil-flus imorru ġita flimkien. Is-sens ta’ ħtija jibda jagħfas bil-kbir fuqu. Dan hu l-uniku film bil-Malti u bis-sottotitli bl-Ingliż.
Lake Como (2023): Koppja żagħżugħa jmorru lejn Lake Como fl-Italja, fejn minflok jiddevertu se jsibu destin kiefer u oskur jistenniehom.
The Soapbox (2020): Virus ġdid perikoluż jaħkem fuq żagħżugħ li jibda jiddubita mis-sanità tiegħu. Hawn, il-lockdown tal-Covid-19 meta kienet fl-eqqel tagħha, ispirat lid-direttur jaħdem dan il-film fil-perjodu propizju.
Mummy’s Boy (2020): Bniedem devot ħafna lejn ommu marida ‘gravi’ u forsi wkoll iddominat bis-sħiħ minnha, iġib waħda biex tieħu ħsiebha. Din m’għandhiex l-iċken idea għal xiex dieħla. B’xi mod ifakkar fil-kapolavur tal-biża’ u t-twerwir ta’ Alfred Hitchcock, “Psycho” (1960) u xi xogħlijiet oħra ta’ terrur.
The Inner Voice (2018): Bruce Micallef Eynaud ħadem dan il-film meta kien għadu l-Università. Psikologu ċelebri jkollu vista minn mara transgender li fuqha għandha sigriet li qed jitturmentaha. Għandu finali sorprendenti!
Nista’ faċilment insostni li dawn il-films kollha għandhom andament li jinteressak u ġieli b’finali li ma tobsrux. Attentat verament tajjeb minn direttur li jidher intiż f’xogħlu u li jixraqlu inkoraġġiment!