Delicata Classic Wine Festival se jixgħel il-Belt bl-istilel
L-edizzjoni ta’ din is-sena tad-Delicata Classic Wine Festival se ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Awwissu, fil-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, mis-7:00pm sa nofsillejl
Delicata ħabbret il-21 edizzjoni annwali tad-Delicata Classic Wine Festival, ċelebrazzjoni tal-iktar inbejjed maħbubin tal-Maltin, ikel delizzjuż u l-aqwa talent mużikali.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tad-Delicata Classic Wine Festival se ssir bejn id-9 u l-11 ta’ Awwissu, fil-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, mis-7:00pm sa nofsillejl.
Aktar minn 20 inbid se jkun disponibbli, bl-għażla tinkludi nbejjed Frizzante semi-sparkling, l-inbejjed boutique DOK Malta Medina u DOK Gozo Victoria Heights, l-inbejjed rinomati Gran Cavalier u s-selezzjoni Grand Vin de Hauteville, l-inbejjed ħelwin Dolcino u Casella Moscato, flimkien ma’ nbejjed oħra mill-kollezzjoni ta’ Delicata. It-tliet inbejjed Pjazza Reġina u l-iSpritZZers tant popolari ma jonqsux.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se jkollha wkoll l-aqwa ismijiet tal-ispettaklu mix-xena mużikali lokali.
Kull serata se tinkludi żewġ appuntamenti mal-aqwa ismijiet Maltin. Nhar il-Ġimgħa se jkun hemm ir-ritorn tant mistenni ta’ The Crowns li jkunu segwiti minn Gianni & RUG. Is-Sibt, Kersten Graham flimkien mal-Band, se jiftħu għal Kurt Calleja li se jagħti spettaklu All Stars. Il-Ħadd, Cash and Band se jiftħu s-serata qabel l-ispettaklu ta’ Spiteri Lucas Band u l-All Stars Show.