L-aqwa films klassiċi tal-biża’ matul is-snin (It-tieni parti)
Carmel Borg ikompli bl-analiżi tiegħu fil-films ta-orrur. Din id-darba jdur fuq is-snin tas-sittin u sebgħin, inkluż il-films popolari 'The Exorcist', u 'Rosemary's Baby'
NIGHT OF THE EAGLE (1962): Film ieħor Brittaniku ta’ siegħa u nofs bl-atturi Janet Blair, Peter Wyngarde, Margaret Johnston u Anthony Nicholls taħt id-direzzjoni ta’ Sidnet Hayers. Storja ta’ maġija li tinfiltra l-ħajja ta’ għalliem u l-mara tiegħu li twassal għall-final ta’ eċitament palpabbli u ġenwinament ta’ terrur. Film stupend li fl-Istati Uniti semmewh Burn, Witch Burn!
THE BIRDS (1963): Tliet snin wara Psycho, id-Direttur Alfred Hitchcock reġa’ qajjem kurżità fl-ispettaturi bi produzzjoni oħra mhux daqshekk tal-biża’, b’tema verament distinta mix-xogħol ta’ qabel. L-atturi huma Rod Taylor, Tippi Hedren, Jessica Tandy, Suzanne Pleshette, Veronica Cartwright u Charles McGraw b’ħin ta’ sagħtejn. Meta Hedren tasal f’komunità żgħira u iżolata f’xatt f’California, l-ekoloġija u l-ordni naturali b’mod misterjuż jinbidlu meta l-għasafar jibdew jattakkaw lill-umani. Film ieħor klassiku ta’ Hitchcock, b’xi qatgħa ’l hemm u ’l hawn li jintrigawk.
THE HAUNTING (1963): Robert Wise, sentejn qabel li dderieġa l-fenomenu The Sound Of Music, imbarka biex iġib fuq il-liżar ċinematografiku n-novella ta’ Shirley Jackson, The Haunting Of Hill House, maħdum bla kulur u bil-proċess CinemaScope. Grupp ta’ persuni magħżulin biex jintroduċu ruħhom għas-sopranaturali, jirċievu invit biex iżuru dar antika msaħħra mibnija 90 sena qabel fi New England, fl-Istati Uniti. Dan il-film iħallik tistenna xi ħaġa terribbli li qatt ma sseħħ, però jħallik ukoll kontinwament moħħok mhux floku. Irreklamat biex ma tarahx waħdek. Għall-ġeneru tiegħu xogħol ta’ ċertu livell. Fost l-atturi nsibu lil Julie Harris, Claire Bloom, Richard Johnson, Russ Tamblyn u Lois Maxwell. Il-film hu twil 112-il minuta u l-iffilmjar sar l-Ingilterra.
ROSEMARY’S BABY (1968): Xogħol ieħor klassiku u kult dirett minn Roman Polanski bil-ħin ta’ 136 minuta u li fih jidhru Mia Farrow, John Cassavetes, Ruth Gordon (rebbieħa tal-Oscar), Sidney Blackmer u Maurice Evans. Thriller ambjentat fil-modern b’ħila mid-direttur/kittieb Polanski bbażat minn fuq il-ktieb ta’ Ira Levin. Fi New York, Farrow hija l-mara żagħżugħa ta’ Cassavetes li qatt ma tissuspetta li r-raġel tagħha involva ruħu ma’ klikka ta’ satanisti u sħaħar fl-appartament fejn jgħixu u mal-pjanijiet djaboliċi tagħhom. Il-produttur ta’ din il-produzzjoni hu William Castle magħruf bħala direttur ta’ films misterjużi u tal-biża’ kważi dejjem b’xi gimmick.
NIGHT OF THE LIVING DEAD (1968): George A. Romero baqa’ rinomat bħala d-direttur li ta ħajja ġdida lill-films taż-zombies speċjalment f’dan l-ewwel xogħol tiegħu, tassew imfaħħar li ħa l-fama ta’ kult. L-atturi prinċipali huma Duane Jones, Judith O’Dea, Gary Streiner u Karl Hardman. Seba’ persuni jissakkru ġo razzett waqt li barra armata sħiħa ta’ zombies, għatxana għal-laħam uman, qed jiġġerrew mal-kampanja. Minkejja l-ħafna xogħlijiet simili li ġew wara, aktar elaborati u bil-kulur, kif ukoll aktar ħorox u mdemmija, dan jibqa’ l-aktar awtentiku. Il-ħin hu ta’ 96 minuta.
THE EXORCIST (1973): Dan hu film li beżża’ lil ħafna u barra, f’xi teatri kien hemm l-ambulanza għal xi emerġenza f’każ li xi ħadd jiġi bżonnha. Xogħol intensiv magħmul kważi perfettament minn novella best seller ta’ Peter William Blatty u dirett minn William Friedkin bil-ħin ta’ 121 minuta. Jaħdmu Ellen Berstein, Max Von Sydow, Linda Blair, Jason Miller u Lee J. Cobb. Blair, tifla normali ta’ 12-il sena tkun ippossessata mix-xitan. Żewġ qassisin Kattoliċi jkunu mitluba minn ommha jeżorċitaw lil din it-tifla. Miller, qassis b’moħħ imħawwad, irid l-ewwel jeżamina lilu nnifsu u Von Sydow diġà ltaqa’ max-xitan fi skavar fil-Medju Orjent. Tassew film inkwetanti u tal-biża’ ppreżentat b’ħila kbira, fejn ġew ingaġġati esperti mediċi u psikoloġiċi kif ukoll persuni intiżi fl-eżorċiżmu mill-Knisja Kattolika bħala technical advisors. The Exorcist hu wkoll il-film tal-biża’ favorit ta’ ħafna, fosthom kritiċi serji.
THE OMEN (1976): Gregory Peck, Lee Remick, Billie Whitelaw, David Warner u Leo McKern jaħdmu f’din il-produzzjoni ta’ livell għoli diretta minn Richard Donner bil-ħin ta’ 111-il minuta. Film effettiv imma wkoll b’ton ta’ sensazzjonaliżmu dwar il-miġja fid-dinja tal-Antikrist li jinzerta li jkun it-tifel ta’ Peck u Remick, ambaxxatur Amerikan u martu li jinsabu l-Ingilterra. Minkejja l-imwiet vjolenti li fih, il-film mhux daqshekk goff, bl-eċċezzjoni ta’ ġurnalist li tinqatagħlu rasu bi ħġieġa. Il-mużika ta’ Jerry Goldsmith rebħet l-Oscar. Wara ħarġu żewġ films oħra dwar it-trobbija ta’ Damian (l-antikrist) u meta jsir adult. The Omen reġa’ nħadem fl-2006 u ftit ilu beda jintwera wkoll The First Omen.