Għin lil DAR Bjorn fil-kunċert LeġġenDARju f'Għawdex
LeġġenDARju se jkun kunċert uniku u eċitanti b’orkestra live mmexxija mill-Maestro Antoine Mercieca, surmast Għawdxi ta’ fama • Il-kunċert ser ikun b’xejn, imma l-pubbliku mħeġġeġ jagħmel donazzjonijiet b’risq DAR Bjorn
Għawdex se jkun it-teatru ta’ spettaklu straordinarju nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Awwissu fil-pjazza tax-Xagħra, fejn il-‘Karus l-Aħmar’ u ‘DAR Bjorn’ ser jingħaqdu f’kollaborazzjoni biex jippreżentaw LeġġenDARju, kunċert imnebbaħ mis-suċċess tal-kunċert Sempre Vivo li ilu jsir għal dawn l-aħħar tliet snin.
LeġġenDARju se jkun kunċert uniku u eċitanti b’orkestra live mmexxija mill-Maestro Antoine Mercieca, surmast Għawdxi ta’ fama. Din l-orkestra tinkludi mużiċisti tal-akbar talent minn Malta, b’esperjenza ta’ kollaborazzjoni ma’ gruppi rinomati.
Il-kunċert ser ikun b’xejn, imma l-pubbliku mħeġġeġ jagħmel donazzjonijiet b’risq DAR Bjorn, b’kollox imur għal DAR Bjorn Respite, it-tielet dar tal-fondazzjoni li toffri appoġġ lil dawk li għandhom bżonn.
F’dan l-ispettaklu, il-pubbliku jista’ jistenna prestazzjonijiet mill-aqwa talent lokali, fosthom Kurt Calleja, Fabrizio Faniello, Claudia, Owen Leuellen, Maxine, Neville Refalo, Denise Mercieca, Janvil u bintu Giada. Wara l-kunċert, se jkun hemm after party minn Dj Filletti u JJoy, ippreżentat minn Ron Briffa u Peter Busuttil.
Ejjew ilkoll ngħinu lil Bjorn u nkunu parti integrali minn din il-missjoni leġġendarja. Inħeġġukom tiġu nhar id-9 t’ Awwissu għal divertiment garantit fil-pjazza tax-Xagħra, u fl-istess waqt ngħinu lil DAR Bjorn jiftaħ it-tielet dar tiegħu.