Kanzunetti, marċi u temi mużikali mill-films tal-gwerra (It-tieni parti)

Carmel Bonnici jtemm l-analiżi tiegħu dwar il-kanzunetti, marċi u temi mużikali mill-films tal-gwerra b'lista ta' films li żewqu l-liżar taċ-ċinema mill-ħamsiniijiet sas-sebgħinijiet

1975 – The Bridge On The River Kwai.

Dan juri suldati Brittaniċi u priġunieri tal-Ġermaniżi f’Burma (illum Myanmar) jibnu pont bħala eżerċizzju ta’ moral taħt il-kmand tal-Kurunell Alec Guinness.  Is-suldati Amerikani u oħrajn Brittaniċi mmexxija minn William Holden u Jack Hawkins jippruvaw jisploduh, b’Alec Guinness ma jridx jara x-xogħol perfett tiegħu jkun meqrud.  Huwa film li rebaħ seba’ Oscars bil-marċ tal-Ewwel Gwerra Dinjija, bit-tisfir, Colonel Bogey March użat hawn b’effett eżileranti. 

1962 – The Longest Day.

Dan jirrakkonta l-invażjoni ta’ Normandy fi Franza, nhar is-6 ta’ Ġunju 1944 – operazzjoni li kienet il-bidu tal-waqgħa tan-Nażismu. Huwa evidentament film kolossali, bla kulur, b’kast kbir (ta’ kważi 60 attur), li rċieva Oscars għall-effetti speċjali u l-fotografija.  Paul Anka kkompona l-kanzunetta tat-titlu ta’ dan il-film dirett minn Ken Annakin. 

1964 – The Train. 

Il-Kurunell Ġermaniż maħdum mill-attur Paul Scofield, ammiratur kbir tal-arti, jisraq it-teżori kollha tal-pittura lejn il-Ġermanja.  Ir-Reżistenza Franċiża taħt il-kmand tal-illitterat Paul Labiche (Burt Lancaster), iddawwar din il-ferrovija madwar Franza billi tpoġġi ismijiet foloz f’kull stazzjon biex jissalva dan it-teżor imprezzabbli.  F’dan il-film, is-segwaċi jesperjenzaw eċitament b’ azzjoni mill-bidu sal-aħħar f’din il-produzzjoni ta’ prima klassi. Dan il-film huwa mżejjen b’mużika evokattiva ta’ Maurice Jarre. 

1966 – Cast A Giant Shadow.

Dan huwa film bil-mużika ta’ Elmer Bernstein u b’atturi bħal Kirk Douglas, John Wayne, Frank Sinatra, Yul Brynner u Angie Dickinson.  Douglas jaħdem il-parti tal-eroj tal-gwerra Mickey Marcus f’dik bejn l-Għarab u l-Iżraeliti. 

1963 – The Great Escape.

L-imsemmi huwa bbażat fuq storja vera. Dan il-blockbuster b’kast internazzjonali, fosthom Steve McQueen, Richard Attenborough, James Garner, James Coburn, Charles Bronson u Richard Attenborough, jirrakkonta pjan elaborat ta’ ħarba ta’ numru kbir ta’ priġunieri tal-gwerra minn kamp tal-konċentrament Ġermaniż.  Fih element ta’ tensjoni, fotografija mill-aqwa u tema prinċipali mużikali ukoll minn Elmer Bernstein tassew addattata. 

Film dwar priġunieri tal-gwerra alleati  li jippjanaw il-ħarba ta’ mijiet ta’ persuni minn taħt il-ħakma Ġermaniża.
Film dwar priġunieri tal-gwerra alleati li jippjanaw il-ħarba ta’ mijiet ta’ persuni minn taħt il-ħakma Ġermaniża.

1969 – The Bridge At Remagen. 

Għal darba’oħra il-mużika hi ta’ Elmer Bersnstein.  Grupp ta’ alleati jiddefendu pont strateġiku fl-Olanda lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija li minn fuqu jridu jgħaddu s-suldati alleati. 

1969 – Hannibal Brooks. 

Il-priġunier tal-gwerra Oliver Reed ikun imqabbad jevakwa xi annimali minn zoo fi Munich fil-Bavarja u jħejji pjan kif jaħrab bil-mixi minn fuq il-muntanji bl-annimali b’kollox (bħal Annibale li ħadha kontra r-Rumani).  Il-mużika hija ta’ Francis Lai. 

1961 – The Guns Of Navarone.

Il-produzzjoni tesegwixxi azzjoni splussiva fejn Gregory Peck u ċorma suldati miegħu jmorru fuq din il-gżira Griega okkupata min-Nażisti biex jippruvaw jeqirdu kanuni kbar tal-għadu ħalli tkun tista’ tgħaddi l-flotta Brittanika.  Tintuża mużika tajba ta’ Dimitri Tiompin. 

The Guns of Navarone huwa film tal-gwerra mimli azzjoni, maħruġ fl-1961 taħt id-direzzjoni ta’ J. Lee Thompson
The Guns of Navarone huwa film tal-gwerra mimli azzjoni, maħruġ fl-1961 taħt id-direzzjoni ta’ J. Lee Thompson

1967 – Triply Cross. 

Christopher Plummer jaħdem il-parti ta’ Eddie Chapman, spija li tassew kien kapaċi jiftaħ kull kaxxaforti u li kien jaħdem kemm għall-alleati u kemm għall-Ġermaniżi.  Yul Brynner u Romy Schneider jaħdmu wkoll f’dan ix-xogħol bil-mużika tal-Franċiż Georges Garvarentz. 

1969 – Play Dirty. 

Il-Kaptan tal-armata Brittanika jmexxi grupp ta’ suldati rufjani fl-Afrika ta’ Fuq kontra l-Ġermaniżi.  Huwa film verament vjolenti mqabbel ma’ The Dirty Dozen (1967) fejn iż-żewġ naħat mhumiex dinjitużi.  Jidhru fih Michael Caine u Harry Andrews bil-mużika ta’ Michel LeGrand.  Tinstema’ l-kanzunetta popolari Lili Marleen. 

1966 – Is Paris Burning?

Dan il-film huwa ta’ produzzjoni Franċiża diretta minn Rene’ Clement b’atturi minn diversi pajjiżi bħal Kirk Douglas, Glenn Ford, Anthony Perkins, Jean Paul Belmondo, Leslie Caron, Gert Froebe u Orson Welles.  Il-film juri l-liberazzjoni ta’ Pariġi u l-attentat tan-Nażi biex jaħarquha.  L-isem tal-film ġej minn telefonata ta’ Hitler minn Berlin lill-kap tal-operazzjonijiet Ġermaniżi f’Pariġi fejn isaqsieh jekk il-belt hux qed tinħaraq skont pjan ta’ qabel.  It-tema tal-film hija ta’ Maurice Jarre. 

Is Paris Burning huwa film epiku tal-gwerra iswed u abjad tal-1966 dwar il-ħelsien ta’ Pariġi f’Awwissu tal-1944
Is Paris Burning huwa film epiku tal-gwerra iswed u abjad tal-1966 dwar il-ħelsien ta’ Pariġi f’Awwissu tal-1944

1961 – Judgement At Nuremberg. 

Dan huwa tassew il-kapulavur kolossali ta’ Stanley Kramer bl-atturi Spencer Tracy, Marlene Dietrich, Burt Lancaster, Richard Widmark, Judy Garland, Maximilian Schell u Montgomery Clift.  Wara l-gwerra, Tracy ikun l-imħallef fil-ġurijiet ta’ dawk maħsuba kriminali tal-gwerra.  Huwa film b’reċtar impekkabbli l-aktar minn Maximilian Schell, l-avukat difensur li rebaħ l-Oscar u Judy Garland bħala Irene Hoffmann li tibża’ tixhed kontra erba’ mħallfin akkużati bi qtil tal-innoċenti.  Il-mużika hi ta’ Ernest Gold bil-marċi sbieħ Ġermaniżi Wenn Die Soldaten u Wenn Wir Marschieren.  

1964 – 633 Squadron.

Ron Goodwin kiteb il-mużika ta’ dan il-film pretenzjuż ta’ missjoni bl-ajru biex jibbumbardjaw fabbrika tal-armi Ġermaniżi fin-Norveġja.  Kiteb il-mużika ta’ films oħra tal-gwerra bħal Where Eagles Dare (1968) u Battle Of Britain (1969).  

Il-gwerra tal-Vjetnam dehret f’ħafna pellikoli, l-aktar dawk tas-snin sebgħin.  Fl-1968 ħareġ The Green Berets, bl-attur John Wayne, propoganda sfaċċata li ma turix minn xiex jgħaddu s-suldati Amerikani.  Aktar realistiċi u kommoventi kienu Apocalypse Now (1979) li fih tinstema’ Ride Of The Vakyries ta’ Richard Wagner, The Deerhunter (1978) bit-tema Cavatina ta’ John Williams, u Platoon (1986) bil-mużika ta’ Georges Delerue. 

Sakemm il-gwerer jibqgħu jsiru, films dwarhom reali jew fittizji jibqgħu jinħadmu. 

 

More in Divertiment