X’kien jiġri kieku Malta qatt ma saret Indipendenti?
'Meta l-kotra ma qamitx' tesplora xenarju alternattiv fejn il-poplu Malti qatt ma qam biex jissalvagwardja l-identità nazzjonali tiegħu
Inti tafu l-Innu Malti? Imma x’kien jiġri kieku Malta qatt ma kienet tagħna? X’kien jiġri kieku qatt ma ffirmajna biex inkunu nazzjon indipendenti u minflok fraħna bil-wasla ta’ iktar bastimenti Ingliżi? Din hija l-mistoqsija provokanti li se tiġi esplorata fl-ispettaklu l-ġdid “Meta l-kotra ma qamitx” li se jsir ġewwa Spazju Kreattiv bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2024.
Dan il-proġett artistiku jġib quddiem xenarju alternattiv fejn il-poplu Malti qatt ma qam biex jissalvagwardja l-identità nazzjonali tiegħu. Il-ħakma Ingliża, li f’din l-istorja tibqa’ tissaħħaħ, twassal biex il-lingwa Maltija tintilef kompletament. Madankollu, fost il-ħafna li ċedew, grupp żgħir ta' individwi jibqgħu jiġġieldu battalja siekta għall-ħarsien tal-identità Maltija.
Taħt id-direzzjoni ta’ Jeremy Grech u bi produzzjoni ta’ Freespirit Elite, dan l-ispettaklu jgħaqqad flimkien kitbiet oriġinali ta’ Nathan Vella u Kersten Bugeja biex iwassal riflessjoni fuq it-tensjoni bejn l-identità Maltija u l-influwenzi kolonjali li għadhom jinħassu.
Biex tirriserva post għal dan l-ispettaklu uniku, tista’ ċċempel fuq 21223200 jew 99467410.