[L-ewwel parti] L-ivvjaġġar fil-passat u fil-futur matul is-snin
Carmel Bonnici jdawwar ħarstu fuq il-films relatati mal-ivvjaġġar tal-ħin, lejn il-futur, u lejn il-passat. Jibda' b'dawk inspirati minn kotba miktuba fl-aħħar tal-1800
Il-films tax-xjenza fittizja sa mill-bidu nett taċ-ċinema kienu mfittxija mid-dilettanti ta’ dan il-ġeneru. Il-furja waslet fis-snin ħamsin fejn, barra li dehru xi produzzjonijiet ta’ livell għoli, ħarġu ruxxmata ta’ xogħlijiet modesti b’baġits baxxi u ħin ristrett. Dan il-ġeneru li jinkorpora fih diversi tendenzi u aspetti mhux l-ewwel darba li jinfiltra ġo films tal-biża’ jew tal-fantasija. Il-kwalità ta’ dawn il-films qalbet għall-aħjar fil-bidu tas-snin sebgħin permezz tas-serje televiżiva Star Trek u bil-popolarità kbira ta’ Star Wars.
Nista’ liberament insostni li l-kataklist għall-films tax-xjenza fittizja kien l-awtur Ingliż H. G. Wells bin-novella tiegħu The Time Machine. Matul is-snin fiċ-ċinema, il-mod kif wieħed isib ruħu fi żminijiet oħra rriżulta b’metodi varjati minn dak psewdo-xjentifiku ta’ Herbert George Wells.
Wells twieled nhar il-21 ta’ Settembru 1866 fi Bromley Hill Street, Londra. Hu miet fit-13 ta’ Awwissu 1946 f’Hanover Terrace, Londra. Barra li kien awtur, għamel żmien bħala ġurnalista u kien ukoll soċjologu u storiku. L-aktar li baqa’ msemmi hu għan-novelli tax-xjenza fittizja, The War Of The Worlds, The Time Machine, kif ukoll għal The Island Of Doctor Moreau li kollha ġew addattati, iżjed minn darba, għal fuq il-liżar ċinematografiku. Wells ġie minn familja fqira, u qatta’ tfulitu fil-faqar. Sab ħafna xogħol temporanju ma’ diversi negozji u l-edukazzjoni tiegħu waslet meta ta’ 18-il sena fl-1883 rebaħ borża ta’ studju għal Royal College Of Science, f’South Kensington, Londra. Fl-1888 iggradwa mill-Università ta’ Londra u beda jgħallem ix-xjenza. Għadda wkoll minn perjodu ta’ mard u nuqqas ta’ finanzi li ħżienu meta żżewweġ lil kuġintu, Isabel Mary Wells (l-ewwel mara tiegħu).
Fl-1895 ġiet ippubblikata n-novella tiegħu The Time Machine li, għalkemm kienet l-ewwel waħda, ġabitlu suċċess minnufih. B’hekk beda sensiela ta’ stejjer tax-xjenza fittizja li rrimarkawh bħala kittieb ta’ oriġinalità liema bħalha b’maturità immensa ta’ ideat. F’The Time Machine wera l-veduta skura ta’ dinja li qed tmut ispirata mill-pessimiżmu u l-faqar ta’ żmienu. Suċċess ieħor kbir kellu b’War Of The Worlds (1898), fantasija astronomika li biha rnexxielu jgħaddi l-immaġini tal-Marsjani fil-mitoloġija popolari. Dan il-ktieb ispira numru kbir ta’ films dwar l-esplorazzjoni tal-ispazju, l-aktar lejn il-Pjaneta l-Ħamra (Mars).
Għalkemm il-mezz ewlieni kif wieħed seta’ jivvjaġġa fiċ-ċinema matul iż-żminijiet kien attribwit għal The Time Machine tan-novella ta’ H. G. Wells li nħadmet darbtejn għal fuq il-liżar il-kbir u darbtejn oħra għal fuq it-TV, il-produtturi u l-kittieba taċ-ċinema sabu mezzi oħra adekwati, kultant sempliċi u anki skont ix-xjenza magħrufa temporanja, bħal xi black hole, time warp, xi portal misterjuż li jservi ta’ passaġġ għal dinja oħra jew lejn il-passat u anki l-futur, jew għal xi avvenimenti mill-istorja ta’ żmien ilu, jew xi katastrofu nukleari f’ambjent distopiku.
Daqqa fuq ras Bing Crosby kienet biżżejjed biex dan sab ruħu fl-Ingilterra tal-antik, f’Camelot, fi żmien ir-renju tar Re Arturu fil-film A Connecticut Yankee In King Arthur’s Court (1947) mill-istorja ta’ Mark Twain. Fuq it-TV dehru The Langoliers (1995) u s-serje ta’ Dr. Who fejn il-Magna taż-żmien ta’ Tardis kienet tixbah kaxxa antika tat-telefown tal-pulizija. Sensiliet oħra televiżivi kienu jinkludu Land Of The Lost, It’s About Time, The Time Tunnel, Sapphire & Steel, Voyagers, Quantum Leap, Seven Days, Time Trax, Mirror Mirror, Crime Travellers u Samurai Jack.
Fil-film influwenti, imfittex mill-kritiċi, il-Franċiż La Jetee’ (The Pier) (1962) jivvjaġġa lura fil-passat biex ibiddel il-futur. Fis-snin ta’ wara dawn ix-xenarji rajniehom bosta drabi f’xogħlijiet, anki b’mod spettakulari f’films mimlija azzjoni, bħal Timerider (1982), The Terminator (1984), Trancers (1985), Terminator 2: Judgement Day (1991), Tancers II (1991), Timerunner (1993), Time Cop (1994), APEX (1994), f’avventuri bħal World Without End (1956), The Yesterday Machine (1963), The Time Travellers (1964), Dr. Who And The Daleks (1965), Daleks: Invasion Earth 2150 A.D. (1966), Journey To The Center Of Time (1967), The Final Countdown (1982), Biggles’s Adventure In Time (1986), Flight Of The Navigator (1986), Millenium (1989), Future Zone (1990), Timeline (2003), Hot Tub Time Machine (2010); f’kummiedji bħal Fiddlers Three (1944), The Three Stooges Meet Hercules (1962), Time Bandits (1981), Peggy Sue Got Married (1986), is-suċċess Franċiż Les Visiteurs (1993) u l-verżjoni Amerikana, Just Visiting (2001), it-triloġija popolari Back to The Future (1989-91), Bill & Ted’s Excellent Adventure (1989), Bill & Ted’s Bogus Journey (1991); fi drammi bħal Turn Back The Clock (1933), Miss Morrison’s Ghosts (1991), fejn żewġ turisti jaħsbu li raw lil Marie Antoinette f’Versailles, The Philadelphia Experiment (1984), Navigator (1988) fejn ħaddiema medjevali jħaffru mina li tagħti għas-seklu 20, Twelve Monkeys (1995) fejn wieħed raġel jintbagħat lura fiż-żmien biex jiskopri s-sors ta’ marda qerrieda li qed toqtol lill-umani u Frequency (2000), fejn it-tifel jagħmel kuntatt ma’ missieru maħsub mejjet.