‘Milied fil-Forti’: Il-ġmiel ħelu tal-Milied jasal fil-Forti Sant’Iermu

Bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jesperjenza l-maġija ta’ żmien il-festi fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt Valletta, fit-tieni edizzjoni ta’ ‘Milied fil-Forti’

Bejn it-30 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jesperjenza l-maġija ta’ żmien il-festi fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt Valletta, fit-tieni edizzjoni ta’ ‘Milied fil-Forti’.  

Il-Forti se jiftaħ mid-9:00 am sal-11:30 pm is-Sibt, u mid-9:00 am sat-8:00 pm il-Ħadd. Tiżjin tal-Milied il-ġmiel tiegħu, dwal iteptpu u girlandi ħodor iffullati se jittrasformaw dan is-sit storiku f’oasi ta’ briju festiv li jiġbor fih l-ispirtu tal-Milied Malti, u li se jinkludi wkoll presepju tradizzjonali Malti.  

Se jkun hemm għall-bejgħ ikel u xorb delizzjuż, li jinkludi wkoll riċetti tradizzjonali ta’ żmien il-Milied, inbid servut sħun bil-ħwawar, imbuljuta (xarba tipika Maltija biċ-ċikkulata, ħwawar u qastan), u cocktails speċjali, li lkoll se jżommu lill-viżitaturi kuntenti u mgezzin waqt li jesploraw.  

Preżentazzjoni live ta’ skultura taċ-ċikkulata se tgħaxxaq lill-udjenzi fiż-żewġ dati. Dawk li qed ifittxu rigali uniċi għal taħt is-siġra tal-Milied jew biex jimlew il-kalzetta tal-Milied bihom se jkollhom xalata ta’ għażliet fis-suq artiġjanali, fejn artisti lokali mimlijin talent se jkunu qed juru x-xogħlijiet tagħhom magħmulin bl-idejn.  

L-iżgħar fostna jistgħu jieħdu sehem f’logħob u sessjonijiet interattivi, jiltaqgħu u jieħdu ritratti ma’ Santa Klaws innifsu, u jibagħtulu l-ittri tagħhom, biċ-ċans li jirbħu premji speċjali! Purċissjoni b’Ġesù Bambin is-Sibt filgħaxija u quddiesa speċjali l-Ħadd filgħodu se jgħaqqdu flimkien, kemm turisti, kif ukoll viżitaturi lokali fit-tifsira solenni tal-istaġun.  

Tul il-jumejn tal-attività, wirjiet minn diversi kantanti, korijiet, u baned, inkluż kunċert grandjuż tal-Milied mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta l-Ħadd filgħaxija, u diversi workshops u taħditiet li jesploraw aspetti differenti ta’ żmien il-Milied, se jassiguraw divertiment għal kulħadd. Il-programm sħiħ tal-attivitajiet huwa elenkat hawn taħt.  

Il-biljetti għal avvenimenti li jeħtieġu riservazzjoni ta’ postok minn qabel jistgħu jinxtraw minn hawn: www.heritagemalta.mt/store jew billi żżur kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta.  

Dan l-avveniment qed jittella’ taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, b’appoġġ għall-Malta Community Chest Fund Foundation. Id-dħul huwa b’xejn, iżda donazzjonijiet biex jgħinu din il-kawża ġusta huma mħeġġa. L-annimali domestiċi huma milqugħa imma jridu jinżammu biċ-ċinga l-ħin kollu. Se jkun hemm servizz ta’ shuttle mill-Park and Ride tal-Furjana sal-Forti Sant’Iermu. 

More in Divertiment