[L-EWWEL PARTI] Xi films li nistgħu naraw fl-2025

Carmel Bonnici jduru wħud mill-films li se jkunu qegħdin fuq il-lożor taċ-cinema fl-2025

Bħal dawn l-aħħar snin, it-tendenza dwar x’tip ta’ films se joħorġu fis-sena l-ġdida hi simili bħal ta’ qabel. Il-produtturi tal-kumpaniji maġġuri ta’ Hollywood huma konxji li l-films tas-supereroj (u f’dan ir-rigward il-battalja għas-supremazija tal-finanzi bejn Marvel Studios u DC Entertainment se tkompli tiħrax) u oħrajn ta’ andament b’azzjoni mħarrka, kif ukoll xogħlijiet animati li jattiraw familji ma’ kullimkien, produzzjonijiet b’baġits kbar iżda wkoll li jirrendu lura miljuni ta’ dollari, se jkollna minnhom sewwa. Innotajt ukoll li l-films tal-biża’ u t-twerwir qed jiżdiedu ħafna għax, fuq kollox, meta film ta’ dan il-ġeneru li jiswa bejn 10-15-il miljun dollaru u jdaħħal madwar 70 miljun – u ġieli iżjed – dan hu tassew qligħ inkoraġġanti. 

Il-Blockbusters u films ta’ azzjoni qawwija 

Xi films tas-supereroj u oħrajn b’andament imħarrek huma: 

Captain America: Brave New World. (Walt Disney Studios) bl-atturi Anthony Mackie (Sam Wilson/Captain America), Danny Ramirez (Joaquin Torres/Falcon), Shira Haas (Ruth Bat Seraph/Black Widow) u Harrison Ford (Thaddeus “Thunderbolt” Ross) bħala l-President tal-Istati Uniti. Sam Wilson isib ruħu involut f’inċident internazzjonali u jrid isib minn huma l-imħuħ wara dan. 

Jurassic World Rebirth (Universal Pictures). Ħames snin wara l-avvenimenti ta’ Jurassic World Dominion, spedizzjoni kuraġġuża tmur f’reġjun ekwatorjali biex tieħu DNA minn tliet mostri ġganti preistoriċi għal xi testijiet. 

Superman (Warner Bros.) Wara l-film grandjuż tal-1978 u ieħor tal-2004, ir-Raġel tal-Azzar se jerġa’ jagħmel dehra fuq il-liżar ċinematografiku b’dan is-supereroj jimbarka fuq vjaġġ biex jirrikonċilja l-eredità tiegħu ta’ Kriptonjan mat-trobbija tiegħu bħala uman bl-isem ta’ Clark Kent. It-titlu jista’ jinbidel għal Superman Legacy. 

The Fantastic Four: First Steps (20th Century Studios/Disney Distribution). Ambjentat fis-snin sittin, dan it-tim ta’ eroj b’superpoteri (dan hu s-sitt film dwar l-avventuri tagħhom) iridu jipproteġu l-lokal fejn jgħixu milli jinbela’ minn raġġ potenti kożmiku ta’ Galactus u l-enigmatiku sieħbu, The Silver Surfer. 

Mission Impossible: The Final Reckoning (Paramount Pictures). Dan hu s-sequel dirett ta’ Mission Impossible: Dead Reckoning (2023). L-aġent Ethan Hunt (Tom Cruise) u t-tim tiegħu se jkomplu jeħduha kontra l-assassin gwapp, Gabriel (Esai Morales). 

Films oħra ta’ din ix-xorta jinkludu William Tell, Avengers: Doomsday, Tron Ares u Spider-Man Homecoming 4 (Sony), jekk ikun lest għall-wiri. 

Films animati 

Il-film ta’ Disney Moana 2 li ħareġ ftit wara Gladiator 2, verament iddomina fid-dħul tal-flus, fatt li juri l-popolarità qawwija tal-films animati. F’din is-sena se jkollna diversi minn dawn fosthom, bħal f’ġeneri oħra diversi, sequels, prequels, remakes, reboots, eċċ. 

Dog Man – F’din l-avventura animata, Dog Man, nofsu kelb u nofsu bniedem, iwiegħed li jservi u jipproteġi waqt li jippersisti u jsus wara s-superviljakk Petey il-Qattus. 

The Smurfs Movie – Film ġdid animat, din id-darba xogħol mużikali bil-ħbieb żgħar u ħelwin tagħna ta’ kulur blu, il-Puffi. 

Sneaks – Toy hu papoċċ li ħajtu għaddieha ġol-kamra lussuża tiegħu. Meta jkollu jmur New York ifittex lil oħtu misruqa minn kollettur bla skrupli, se jgħaddi minn avventuri li qatt ma ħolomhom. 

Elio – Mill-kumpanija Disney jasal Elio, kelb iżolat b’immaġinazzjoni fertili li jsib ruħu f’Communiverse, organizzazzjoni intergalaktika b’rappreżentanti minn diversi pjaneti mbiegħda. 

Films animati oħrajn li nistennew bil-ħerqa huma: Wicked Part 2 (naturalment ovvju wara s-suċċess tal-ewwel attentat), The Bad Guys 2, Zootopia 2, u The Spongebob Movie: Search For Squarepants. 

More in Divertiment