[IT-TIENI PARTI] Xi films li nistgħu naraw fl-2025

Carmel Bonnici jduru aktar films li se jkunu qegħdin fuq il-lożor taċ-cinema fl-2025. Din id-darba fuq it-temi ta' orrur, u azzjoni, fost aħjar 

Films tal-biża’ u t-twerwir 

F’dan il-ġeneru se nsibu numru konsiderevoli ta’ films fosthom Saw X1, il-11-il wieħed ta’ din is-sensiela. 

Nosferatu – Film tal-biża’ ispirat minn fuq ix-xogħol klassiku mutu tal-1922, tad-direttur F. W. Murnau ta’ żmien l-Espressjoniżmu Germaniż, dwar mara żagħżugħa. Ellen Hutter tkun itturmentata u pprovokata mentalment minn vampir antik, il-Konti Orlok li qed isus bla ħniena warajha. Fil-parti ta’ Ellen insibu lil Lily Rose Depp, it-tifla ta’ Johnny Depp. 

Wolf Man – Dan hu “reboot” (reġa’ nħadem aktar elaborat) tal-film tal-1941. Familja li tgħix f’razzett imwarrab fil-kampanja tkun attakkata minn annimal li ma jidhirx u kif jibda dieħel il-lejl il-missier jittrasforma ruħu f’xi ħaġa li ma tintgħarafx. 

Produzzjonijiet oħra tal-orrur huma: Sinners, 28 Years Later, Presence, M3gan 2.0, I Know What You Did Last Summer, Thread: An Indian Tale, The Conjuring: Last Rites, The Black Phone 2, Saw X1, Predator Badlands u Five Nights At Freddy’s 2. 

Films ta’ azzjoni u avventuri 

Flight Risk – Pilota jittrasporta aġent tal-pulizija li qed jakkumpanja wieħed li ħarab mill-ġuri tiegħu. Meta jittajru fuq wesgħat imwarrba fl-Alaska, it-tensjoni tikber, ħadd ma jafda lil ħadd u dawk abbord mhumiex ta’ karatrru kif kien maħsub. Dirett minn Mel Gibson, wieħed jista’ jistenna andament splussiv. 

Babygirl – Thriller erotiku fejn CEO potenti tipperikola l-karriera tagħha u lill-familja meta tibda relazzjoni taħraq ma’ raġel iżgħar minnha sewwa. 

Mickey 17 – Dan hu film tax-xjenza fittizja dwar raġel li jintbagħat fuq vjaġġ perikuluż biex iġib abitanti ġodda fuq pjaneta bis-silġ. 

Alto Knights – Dramm bijografiku tal-Mafja li seħħ fis-snin ħamsin fejn il-gangster Vito Genovese jimbarka fuq gwerra mal-kriminal qawwi Frank Costello li kien irtirat. Il-protagonist hu Robert DeNiro. 

Produzzjonijiet oħra ta’ din ix-xorta huma: Den Of Thieves 2: Pantera, Levor’s Trade, Novocaine, Ballerina, The Accountant 2 u The Amateur.  

Kummiedji, films romantiċi u oħrajn 

We Live In Time – Kummiedja romantika dwar koppja u r-relazzjonijiet tagħhom fuq medda ta’ għaxar snin. 

Here – Ġenerazzjonijiet ta’ koppji u familji li għexu fl-istess dar f’seklu sħiħ u kif integraw fl-imħabba, waqt xi telfa duluruża ta’ xi għażiż u kif jirreaġixxu fil-ħajja komuni ta’ kuljum. Jaħdmu Tom Hanks, Robin Wright u Paul Bettany. 

Bridget Jones: Mad About the Boy – F’dan ir-raba’ film dwar il-protagonista tal-ktieb ta’ Helen Fielding, Bridget Jones issa armla, bil-għajnuna tal-familja u tal-ħbieb u anki ta’ Daniel, il-maħbub tagħha ta’ qabel, qed tipprova torganizza ħajjitha u qed tkun segwita minn wieħed ta’ età iżgħar minnha sewwa. Kummiedja romantika oħra bis-soltu atturi Renee Zellweger u Hugh Grant. 

Karate Kid: Legends – Xogħol ieħor tal-arti marzjali bil-protagonist Daniel jasal Beijing u Mr. Han, dak li jħarrġu, qed jipprova jipperswadi lil Li Fong biex flimkien jittrenjawh għal kompetizzjoni missielta tal-arti marzjali. Bl-istess atturi ta’ qabel bħal Ralph Macchio, Jaden Smith, Jackie Chan u Pat Morita.  

Se joħorġu wkoll The Naked Gun ibbażat fuq storja oriġinali bl-atturi Liam Neeson u Pamela Anderson li tieħu post Priscilla Presley, Freakier Friday kummiedja tal-kumpanija Disney u Downton Abbey 3 li hu sequel dirett ta’ Downtown Abbey: A New Era. 

Nispiċċa dan l-artiklu billi nbassar li l-attenzjoni tas-sena 2025 se tkun prinċipalment fuq dawn iż-żewġ produzzjonijiet: 

Snow White – Wisq probabbli dan il-film tal-kumpanija Disney se jkun l-attrazzjoni speċjali ta’ żmien il-Għid. Issa fantasija mużikali b’atturi reali. B’ħerqa nistennew sa żmien Milied ieħor għat-tielet film epiku tax-xjenza fittizja, Avatar: Fire and Ash li jkompli ma’ Avatar: The Way Of Water. Hawn, il-kunflitt bejn l-indiġeni Na’vi l-abitanti ta’ kulur blu u l-umani li jridu jħarbtu r-riżorsi tal-pjaneta tagħhom Pandora, se jkompli jiħrax. 

L-aspettattiva ċinematografika f’din is-sena tidher li se tkun waħda ta’ sodisfazzjon għal udjenzi ta’ kull età. 

More in Divertiment