![[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes_2.png)
L-akbar 10 attrazzjonijiet ċinematografiċi tal-2024
Skont din il-lista tal-Aqwa Għaxar Films li l-aktar rawhom nies, it-tendenza lokali ta’ liema ġeneri ta’ films huma għall-gosti tal-Maltin kważi taqbel perfettament ma xiex jippreferu l-udjenzi internazzjonali

Mal-bidu tal-ewwel xahar ta’ kull sena ġdida, KRS Releasing, id-distributuri lokali tal-films, joħorġu l-lista tal-Aqwa Għaxar Films li l-aktar rawhom nies. Skont din il-lista, it-tendenza lokali ta’ liema ġeneri ta’ films huma għall-gosti tal-Maltin kważi taqbel perfettament ma xiex jippreferu l-udjenzi internazzjonali. Jidher biċ-ċar li l-films animati jew dawk animati b’persuni wkoll reali għandhom il-preferenza flimkien ma’ dawk tas-supereroj, bi produzzjonijiet ta’ avventuri divertenti u fantastiċi qrib warajhom. Film wieħed biss, It Ends With Us, hu differenti minn din it-tendenza. Insibu tliet films tal-kumpanija Disney f’dawn l-10 attrazzjonijiet, tnejn minnhom animati u l-ieħor tas-supereroj.
Ma nħossx li kienet l-ebda sorpriża li fl-ewwel post jinsab l-epiku Gladiator II wara s-suċċess ta’ dak oriġinali tas-sena 2000, kif ukoll li parti minnu nħadmet f’pajjiżna u fih ħadmu mijiet ta’ extras,u dan kollu f’inqas minn xahrejn wiri.
Il-lista tal-Aqwa 10 Films fid-dħul tal-flus hi din:
-
Gladiator II – Direttur Ridley Scott u maħruġ minn Paramount Pictures. L-istorja hi ambjentata diversi snin wara l-inċidenti ta’ Gladiator. Lucius (Paul Mescal) li kien xhud tal-mewt ta’ Maximus (Russell Crowe) minn zijuh, ikollu jinżel fl-arena tal-Kolossew ta’ Ruma bħala gladjatur biex jeħodha kontra t-tiranni Imperaturi li qed jaħkmu pajjiżu u jerġa’ jġib lil Ruma fil-glorja demokratika ta’ qabel. Jaħdmu wkoll Pedro Pascal, Connie Nielsen (Lucilla) u Denzel Washington.
-
Deadpool & Wolverine – Maħruġ minn Disney Studios u dirett minn Shawn Levi. Żewġ karattri supereroj tal-Marvel Studios jingħaqdu flimkien wara ħafna battibekki, azzjoni umoristika u anki kliem vulgari biex isalvaw l-univers tagħhom milli jinqered. Xogħol li daħħal $1.3 biljun.
-
Inside Out 2 – Dirett minn Kelsey Mann u maħruġ minn Disney Studio. Sequel tal-film tal-2015 fejn Riley li issa dieħel fl-irġulija jibda jesperjenza emozzjonijiet ġodda u aktar kumplessi. Film eċċellenti mimli vitalità u tassew ikkulurit tal-kumpanija Pixar. Għamel suċċess enormi u daħħal is-somma favoluża ta’ $1.6 biljun.
-
Despicable Me 4 – Dirett minn Chris Renaud u mqassam minn Universal Pictures. F’dan ir-raba’ attentat insibu lil Gru (vuċi ta’ Steve Carell) ferħan bil-membru ġdid tal-familja, Gru Jr. li sikwit jittanta lil missieru. Meta Maxime Le Mal (vuċi ta’ Will Ferrell) jaħrab mill-ħabs mimli vendetta għal Gru, is-sieħeb kriminal tiegħu ta’ qabel, Gru u ibnu jippjanaw kif se jaffaċċjawh.
-
Wicked – Direttur Jon M. Chu u maħruġ minn Warner Bros. Is-sħaħar Glinda u Elphaba, ta’ ġilda ħadra, kienu l-antagonisti prinċipali fil-klassiku Wizard Of Oz (1939). Hawn naraw x’ġara qabel meta jkunu ħbieb. Kif jiltaqgħu mas-Saħħar ta’ Oz se jinfirdu u ħajjithom tinbidel radikalment.
-
Moana 2 – Film animat ieħor ta’ Disney bid-diretturi jkunu David G. Derrick Jr., Dana Ledoux Miller u Jason Hand. Il-kuraġġuża ċkejkna Moana se tivvjaġġa fl-ibħra mbegħdin tal-Oċeanja fost perikli u avventuri li qatt ma rat bħalhom, meta tirċievi sejħa ta’ għajjut minn antennati tagħha. Dan ix-xogħol qorob biex jilħaq il-biljun dollaru.
-
It Ends With Us – Dirett minn Justin Baldoni u mqassam minn Sony Pictures. Dramm romantiku dwar Lily Bloom (Blake Lively) li tmur Boston biex tiftaħ negozju. Meta b’kumbinazzjoni tiltaqa’ ma’ Kyle Kincaid (id-direttur stess), kirurgu tas-sistema tan-nervi, u ssir tħobbu tibda tinnota li l-aspetti tiegħu jfakkruha biċ-ċar fir-relazzjoni tal-ġenituri tagħha stess.
-
Wonka – Film maħruġ minn Warner Bros. u dirett minn Paul King. Willy Wonka, il-karattru prinċipali tan-novella tal-1964 ta’ Roald Dahl, Charlie And The Chocolate Factory, wara żewġ films dwaru, hawn narawh bħala ġuvni ffissat fuq iċ-ċikkulata li jista’ jbiddel id-dinja bil-ħolm tiegħu u d-delizzju ħelu li jippossedi. Jaħdmu Tomothe’e Chalamet, Calah Lane u Keegan-Michael Key. Dan kien ħareġ fi żmien il-Milied tal-2023.
-
Paddington In Peru – Imqassam ninn StudioCanal Ltd. u dirett minn Dougal Wilson. F’dan it-tielet attentat, l-ors gustuż Paddington jirċievi aħbar li l-maħbuba zitu sparixxiet mill-post fejn kienet irtirata u flimkien mal-familja Brown umana tiegħu jitilqu lejn il-ġungla tal-Perù biex isibuha. B’hekk jgħaddu minn ħafna avventuri fil-foresta Amazon, fosthom li jsibu teżor leġġendarju.
-
Dune, Part Two – Id-direttur hu Denis Villeneuve u maħruġ minn Warner Bros. Inkomplu bit-tieni parti tas-saga epika tal-kittieb Frank Herbert. Paul Atreides (Timothe’e Chalamet) mimli vendetta rrabjata kontra t-tradituri li qerdu l-familja tiegħu, jinsab f’għażla diffiċli bejn Chan (Zendaya), l-imħabba ta’ ħajtu u d-destin tal-univers li jinsab fih waqt li qed jipprova jevita futur terribbli.
Fl-aħħar nett, ta’ min isemmi li Gladiator II, Wicked, Moana 2 u Paddington In Peru għadhom qed jintwerew.