[IT-TIENI PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes

Carmel Bonnici jagħti ħarsa lejn is-suċċess mistħoqq tal-film 'Planet of the Apes', li ispira erba’ sequels oħra, serje tat-televiżjoni, serje animata u fl-2001 reġa’ nħadem minn Tim Burton

Fl-1968 minn dan il-ktieb saret verżjoni ċinematografika diretta minn Franklyn J. Schaffner li fih ħadem Charlton Heston u li anki rebaħ Oscar għall-irtokk. L-iscreen play, miktub oriġinalment minn Rod Serling, iffoka fuq l-azzjoni u ma żammx man-novella, inkluż it-twist klassiku u memorabbli tal-final li wkoll kien differenti mill-ktieb, però xi ħaġa tassew ispirata. Is-suċċess mistħoqq tal-film ispira erba’ sequels oħra, serje tat-televiżjoni, serje animata u fl-2001 reġa’ nħadem minn Tim Burton, biex għaxar snin wara bdiet serje oħra (li probabbilment se tibqa’ għaddejja) epika u spettakulari. 

Is-serje oriġinali ta’ ħames films (1968-73) ħadu l-istima ta’ xogħlijiet kulti u klassiċi. L-awtur stess, li ħaseb li n-novella tiegħu ma tistax tkun addattata bħala film, stagħġeb bis-suċċess li kiseb madwar id-dinja u anki għall-impatt li kkrea. Hu kiteb storja oħra bħala sequel, Planet Of The Men li ġiet ippubblikata fl-1970, imma l-produtturi tal-film oriġinali m’aċċettawhiex. It-tieni film, Beneath The Planet Of The Apes li ħareġ fl-1970, ukoll kellu suċċess tajjeb, tant li warajh wasal Escape From The Planet Of The Apes fl-1971, Conquest Of The Planet Of The Apes fl-1972 u Battle For The Planet Of The Apes fl-1973. 

F’Settembru tal-1973, il-film oriġinali ntwera għall-ewwel darba fuq in-network tat-televiżjoni. Ir-reklamar tal-ġugarelli u prodotti oħrajn relatati ma’ din is-sensiela kellu furur kbir tant li nħolqot dik li tissejjaħ “manija għax-xadini.” Għalkemm il-protagonist kien Charlton Heston, f’dak iż-żmien wieħed mill-aqwa ta’ Hollywood, is-simpatija tal-pubbliku żgur iddur lejn Roddy McDowell u Kim Hunter bħala żewġ xadini, Cornelius u Dr Zira li kienu jħobbu lill-umani u jippruvaw iħarrbu lil Heston li jmut fit-tieni film u huma jwasslu sat-tielet wieħed fejn wara l-ammirazzjoni ddur fuq Caesar (Sal Mineo), it-tifel tagħhom li trabba bil-moħbi f’ċirklu ta’ Armando (Ricardo Montalban). F’Ġunju tal-1974, Marvel Comics ħarġu magażin ibbażat minn fuq il-ktieb u l-film. 

Is-serje kollha b’xi informazzjoni qasira fuq kull film, hi din: 

1968. PLANET OF THE APES. Dirett minn Franklyn J. Schaffner bil-ħin ta’ 98 minuta, bl-atturi Charlton Heston, Roddy McDowell, Kim Hunter u Linda Harrison. Il-klassiku tax-xjenza fittizja u l-isbaħ wieħed li beda kollox. Heston imexxi grupp ta’ astronawti (u wara snin twal u l-ekwipaġġ mejjet) jillendjaw fuq pjaneta misterjuża fejn ix-xadini jikkmandaw lill-bnedmin li huma lsiera tagħhom. Personalment inħoss li l-final ta’ sorpriża kbira u stagħġib (li qed nikxfu għax naħseb li kulħadd għandu konoxxenza tiegħu) hu l-isbaħ mument fl-annali taċ-ċinema. Heston flimkien mas-sbejħa muta Linda Harrison jaħarbu biż-żiemel permezz tal-għajnuna ta’ Cornelius u martu, Dr Zira. L-għaref kap tax-xadini (Maurice Evans) li kien marbut jgħidilhom: “Ħallihom jitilqu, mhux se jieħdu gost b’dak li jaraw. Sejrin ifittxu d-destin tagħhom!” Meta jiġu f’wesgħa kbira Heston kważi jaqa’ minn fuq iż-żiemel u jesklama b’sogħba kbira “Oh my God!” Quddiemhom, nofsha midfuna fir-ramel ikun hemm l-Istatwa tal-Libertà. Mingħajr ma kien jaf, illendja fid-dinja mijiet ta’ snin wara issa distrutta mill-bniedem li spiċċa lsir! Sekwenza li tibqa’ tidwi f’moħħi tul ħajti! Oscar għall-irtokk tax-xadini. 

1970. BENEATH THE PLANET OF THE APES. Dirett minn Ted Post bil-ħin ta’ 95 minuta. Jaħdmu James Franciscus, Kim Hunter, Maurice Evans, Linda Harrison u Charlton Heston. Dan it-tieni attentat għandu sets imponenti, irtokk tajjeb u ideat konkreti. Din id-darba, ix-xadini jiġġieldu ma’ umani sfigurati li jsalvaw minn attakk nukleari u jgħixu fis-sotteran abbandunat u mkisser tal-ferroviji ta’ New York. 

1971. ESCAPE FROM THE PLANET OF THE APES. Dirett minn Don Taylor bil-ħin ta’ 98 minuta. L-atturi huma Roddy McDowell, Kim Hunter, Bradford Dillman u Ricardo Montalban. L-aħjar wara l-oriġinal. Cornelius, Zira u Milo (Caesar), tliet chimpanzees intelliġenti jikkraxxjaw bil-vettura spazjali fis-Sud ta’ California u jittieħdu taħt il-kura tal-psikoloġista tal-annimali, Dr Lewis Dixon (Dillman) li jiskanta kif ivvjaġġjaw mijiet ta’ snin mill-futur meta d-dinja tagħhom inqerdet bi splużjoni nukleari. Cornelius u Dr Zira jittieħdu f’ċirklu u Zira twelled. Bil-moħbi, xadina intelliġenti taċ-ċirklu trabbi lil Caesar li se jkun il-kataklist għaż-żewġ films ta’ wara u għas-serje ġdida li bdiet fl-2011. 

1972. CONQUEST OF THE PLANET OF THE APES. Dirett minn J. Lee Thompson bil-ħin ta’ 88 minuta. Jidhru Roddy McDowell, Don Murray, Ricardo Montalban. Dan ir-raba’ episodju juri kif ix-xadini rribellaw u b’hekk rebħu lill-umani. 

1973. BATTLE FOR THE PLANET OF THE APES. Dirett minn J. Lee Thompson. L-atturi huma Roddy McDowell, Natalie Trundy u John Huston. Il-ħames u l-aħħar puntata tas-serje oriġinali tipprova ġġib din is-sensiela kompluta, b’filmati mill-films ta’ qabel. 

Il-kumpanija 20th Century Fox (issa 20th Century Studios mixtrija mill-Kumpanija Disney) kienet konxja li fil-pussess tagħha għandha akkwist kbir f’idejha b’din is-sensiela tax-xadini u, kif diġà semmejt qabel, reġgħet irxuxtat fl-2011, u issa bil-protagonist ikun Caesar, u b’aktar episodju maħsubin għall-futur. 

More in Divertiment