
Sassofonu u pjanu
"Il-programm jesponi firxa wiesa’ ta’ stili u influwenzi kulturali filwaqt li jagħti lok li l-istrumenti jesebixxu l-kapaċitajiet u l-versatilità tagħhom f’mumenti virtwożistiċi"

Is-sassofonu huwa strument versatili ħafna li ilu magħna minn nofs is-seklu 19 u jintuża kemm fil-jazz, fil-baned, u anke fil-mużika klassika fejn inkitbet bosta mużika anke għal formazzjonijiet da camera.
Is-sassofonista Philip Attard, flimkien mal-pjanista Christine Zerafa, se jkunu qed itellgħu kunċert fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal nhar it-Tnejn 17 ta’ Frar 2025 bħala parti mis-sensiela Iljieli fit-Teatru 2025 Chamberfest.
Il-programm jesponi firxa wiesa’ ta’ stili u influwenzi kulturali filwaqt li jagħti lok li l-istrumenti jesebixxu l-kapaċitajiet u l-versatilità tagħhom f’mumenti virtwożistiċi. Ix-xogħlijiet magħżula huma ta’ kompożituri Franċiżi (Jules Demersseman u Camille Saint-Saëns), Spanjoli (Manuel de Falla), kif ukoll ix-xogħol Three Folk Songs tal-kompożitur Malti Charles Camilleri. Il-kunċert jibda’ fis-19:30.
Id-dħul ikun minn Casa Cassar fi Triq il-Vittorja, il-Belt Valletta. Għall-biljetti u għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.pjazzateatrurjal.mt jew il-mezzi soċjali tat-teatru.