
L-alkoħoliżmu fiċ-ċinema
Il-vizzju tax-xorb huwa wieħed ikrah li saħansitra kapaċi jwassal għal dipendenza, problemi tal-għajnejn, kumplikazzjonijiet tad-dijabete, eċċ. Carmel Bonnici jħares lejn kif dal-vizzju jiġi interpretat minn numru ta' artisti f'films diversi

Fil-bidu tas-seklu 20 meta l-films saru mezz leġittimu ta’ divertiment, xi wħud ikkonsidrawhom bħala alternattiva għax-xorb alkoħoliku. Il-moviment li kien favur il-moderazzjoni fix-xorb, l-aktar fi żmien il-proħibizzjoni (snin tletin) fl-Istati Uniti, ħasbu li dan id-divertiment ġdid u popolari se jżomm lin-nies barra mill-ħwienet tax-xorb. Infatti, xi produzzjonijiet ċinematografiċi bikrin urew dan is-sentiment, fejn esibixxew stejjer ta’ abbuż traġiku u l-effetti ta’ wara. Però, irriżulta li snin wara, l-alkoħol fil-films sar xi ħaġa komuni.
Sakemm ħareġ The Lost Weekend (1945), wieħed mill-films b’impatt serju u qawwi f’din il-kategorija, l-alkoħoliċi fil-films kienu purament sakranazzi. Jitbandlu neżlin it-taraġ b’xi flixkun f’idejhom, iħawdu fi kliemhom, jitfewqu f’kull opportunità jew mitluqin mal-art f’xi rokna mwarrba jew f’xi sqaq fejn joħorġu ż-żibel, jew ikantaw. Dawn l-episodji u aktar, kienu garanzija li se jnisslu d-daħk.
The Lost Weekend tad-Direttur Billy Wilder, għalkemm mhux l-ewwel wieħed f’dan is-suġġett, kien dak li biddel il-kunċett ta’ kif Hollywood u l-udjenzi jħarsu lejn is-sakranazzi bi problemi akuti. L-eroj (!) ta’ din il-produzzjoni jgħaddi minn diversi sitwazzjonijiet bħal dawn. Kif diġà aċċennajt, l-alkoħoliċi kienu figuri familjari kważi mill-bidu ta’ din is-“seba’ arti”. Jack Norton u Arthur Housman għamlu ħajjithom jidhru, aktarx dejjem, f’dan ix-xenarju. Ċelebritajiet komiċi oħrajn kienu jinkludu lil James Stewart f’Harvey, William Powell f’The Thin Man u s-sequels, Wallace Beery f’Ah Wilderness, warajh Frank Morgan f’Summer Holiday, Dean Martin f’Rio Bravo u xi snin wara rrepeta l-parti Robert Mitchum f’El Dorado, Jackie Gleeson f’Papa’s Delicate Condition u Dudley Moore bħala l-miljunarju dejjem fis-sakra f’Arthur.
Studji aktar serji dwar dan l-abbuż kienu jikkonċernaw lil Frederick March, u warajh lil James Mason, Kris Kristofferson u Bradley Cooper fil-verżjonijiet differenti ta’ A Star Is Born, Bing Crosby f’The Country Girl, James Cagney u Gig Young f’Come Fill The Cup, Spencer Tracy f’The People Against O’Hara, Michael Redgrave f’Town Without Pity u Claude Rains f’The White Tower.
In-nisa wkoll kienu involuti f’dan ix-xenarju; Ingrid Bergman f’Under Capricorn, Lee Remick ma’ Jack Lemmon f’Days Of Wine And Roses, Julie London f’The Great Man, Susan Hayward fi Smash Up u I’ll Cry Tomorrow, Bette Davis f’Dangerous, Joan Fontaine f’Something To Live For, Myrna Loy fi From The Terrace, Claire Bloom f’Red Sky At Morning, Meg Ryan f’When A Man Loves A Woman, Jane Fonda f’The Morning After, Tilda Swinton f’Julia, Nicole Kidman f’Destroyer, Gena Rowlands f’Opening Round, Emily Blunt f’The Girl On The Train, Meryl Streep u Jack Nicholson f’Ironweed u Faye Dunaway u Mickey Rourke f’Barfly.
Atturi oħrajn involuti f’dan il-vizzju li jaħkem bil-kbir, kienu: Chester Morris fi Blind Spot, Ray Milland f’The Lost Weekend u Night Into Morning, Van Johnson f’The Bottom Of The Bottle (U.K. Beyond The River), Henry Fonda f’The Fugitive, Burt Lancaster f’Come Back Little Sheba, Thomas Mitchell u warajh Bing Crosby fi Stagecoach, David Farrar f’The Small Back Room, Jason Robards f’Long Day’s Journey Into Night, Gregory Peck f’Beloved Infidel, Donald O’Connor f’The Buster Keaton Story, George Murphy f’Show Business, Charles Laughton u warajh Robert Newton f’Vessel Of Wrath u The Beachcomber, James Dunn f’A Tree Grows In Brooklyn, Kenneth More f’Dark Of The Sun (U.K. The Mercenaries), Frank Sinatra f’The Joker Is Wild, Dick Van Dyke f’The Morning After (għat-TV), Mark Rylance f’The Grass Arena, Abert Finney f’Under The Volcano, James Wood f’Curse Of The Starving Class, Nicolas Cage f’Leaving Las Vegas, Rutger Hauer f’The Legend Of The Holy Drinker, Denzel Washington fi Flight, Jeff Bridges fi Crazy Heart u ġo produzzjonijiet barranin oħrajn.
Xeni ta’ sakranazzi kienu l-għors ta’ ħafna atturi u udjenzi. Min jista’ jiġġudika bejn il-faxxinu, ta’ dawn li ġejjin? – Greta Garbo f’Ninotchka, Robert Montgomery f’June Bride, Jean Arthur f’Mr. Smith Goes To Washington, Laurel & Hardy f’Bohemian Girl u Scram!, Lionel Barrymore f’A Free Soul, Eva Marie Saint f’That Certain Feeling, Errol Flynn f’The Sun Also Rises, Katharine Hepburn f’The Desk Set, Leslie Caron f’Father Goose, Frederick March f’There Goes My Heart, Lee Marvin f’Cat Ballou (akkumpanjat minn żiemel fis-sakra), Albert Finney f’Saturday Night And Sunday Morning, Alan Bates f’A Kind Of Loving, Bette Davis f’Dark Victory, Claudia Cardinale f’The Pink Panther, Charles Laughton f’Hobson’s Choice, terġa’ Katharine Hepburn f’The Philadelphia Stor u State Of The Union, Lucille Ball f’Yours, Mine And Ours, Arthur Askey f’The Love Match, Dan Dailey f’It’s Always Fair Weather, Vanessa Redgrave f’Isadora, Julie Andrews fi Star, Dean Martin u Tony Curtis f’Who Was That Lady? u ħafna oħrajn.
Fost il-ħafna films dwar dan is-suġġett topiku, dawn huma l-aktar li jispikkaw:
The Lost Weekend (1945). Ħin: 101 min. Dirett minn Billy Wilder u jaħdmu Ray Milland, Jane Wyman, Howard da Silva u Doris Dowling. Don Birnam (Milland) novellist aspirant, imma alkoħoliku, jevita li jiltaqa’ biex jgħaddi weekend ma’ ħuh, Wick (Phillip Terry) għax jisker. Wick u Helen (Wyman), id-devota maħbuba tiegħu, isibulu x-xorb moħbi u jwaqqfulu l-karta tal-krettu. Dan jisraq il-flus li lesta biex iħallas lis-seftura u jmur fil-bar ta’ Nat (da Silva) fejn jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu tal-aħħar tliet snin u li jrid jikteb novella dwarhom, The Bottle. Wara bidu ħażin, hu jmur f’nightclub fejn jinqabad jisraq il-kartiera ta’ mara, jipprova jagħti bħala rahan it-typewriter tiegħu, imma jsib il-ħwienet magħluqa. Imbagħad jitlef it-typewriter u jintilef minn sensih u meta jistenbaħ isib ruħu fi sptar f’sala tal-alkoħoliċi. Matul il-lejl jaħrab u jisraq flixkun minn ħanut tax-xorb, jirritorna d-dar u jesperjenza delużjonijiet tal-biża’. L-għada filgħodu jmur f’ħanut fejn jieħu bħala rahan il-kowt ta’ Helen biex jixtri pistola ħalli jagħmel suwiċidju. Tasal Helen u tipprova tikkalmah u dlonk ukoll jiġi Wick bit-typewriter tiegħu. Fl-aħħar, iwiegħed li se jikteb in-novella, waqt li jitfa’ s-sigarett fil-wiski.
Dan il-film rebaħ erba’ Academy Awards (Oscars), tnejn għal Charles Brackett u Billy Wilder li kitbu l-iscreenplay għall-Aqwa Film, Billy Wilder u Ray Milland għall-Aqwa Attur. The Lost Weekend ipprovda lil Hollywood dak li dejjem xtaqu – suċċess kbir kummerċjali magħmul minn messaġġ soċjali.
Days Of Wine And Roses (1962). Direttur Blake Edwards. Ħin: 117-il minuta. L-atturi huma Jack Lemmon, Lee Remick, Charles Bickford u Jack Klugman. Verżjoni “moderna” ta’ The Lost Weekend ambjentata f’San Francisco. Lemmon jiżżewweġ lil Remick u jressaqha fi stat ta’ sokor. Direzzjoni realistika, miktub b’mod eċċellenti u b’mużika ta’ Henry Mancini li ddaħħlek fl-ispirtu tal-film u li rebħet Oscar flimkien ma’ Johnny Mercer li kkompona l-kanzunetta tat-titlu.
When A Man Loves A Woman (1994). Ħin: 125 minuta. Dirett minn Luis Mandoki. Jidhru Andy Garcia, Meg Ryan, Ellen Burstyn, u Tina Marjorino. Ryan, omm ta’ żewġt itfal hija konxja li rikibha l-vizzju tax-xorb. Ir-raġel ammiratur tagħha (Garcia) malajr jinduna u jirrealizza li għandu piż fuqu daqs kemm għandha hi. Meg Ryan tassew tibbrilla fit-trawma li tinsab fiha u l-ħsara li qed iġġib fuq il-familja tagħha.
Leaving Las Vegas (1995). Dirett minn Mike Figgis bil-ħin ta’ 111-il minuta. Jaħdmu Nicolas Cage, Elizabeth Shue, Julian Sands u Valeria Golino. Cage huwa alkoħoliku mistħi li jasal Las Vegas determinat li jibqa’ jixrob sal-ponta tal-mewt. Shue hija prostituta li tbaxxi lilha nnifisha fuq bażi ta’ kull lejl. Ir-rabta li jidħlu għaliha bejn xulxin (u fil-fatt li jaċċettaw lil xulxin kif inhuma) tiżvolġi fi storja qawwija, mhux tas-soltu u ta’ mħabba kommoventi minkejja l-atmosfera morbida ta’ madwarhom. Iż-żewġ protagonisti tassew ibbrillaw fil-parti tagħhom, b’Cage jirbaħ l-Oscar għall-Aqwa attur ta’ dik is-sena.
Crazy Heart (2009). 111-il minuta. Direttur Scott Cooper. Bil-parteċipazzjoni ta’ Jeff Bridges, Maggie Gyllenhaal, Colin Farrell u Robert Duvall. Il-veteran alkoħoliku ċ-champion tal-mużika country Bad Blake, (Bridges) jirriduċi ruħu jdoqq f’postijiet tal-bowling, imma ħajtu fit-triq tieħu żvolta mhux mistennija għalih meta jiltaqa’ ma’ mara li tassew jibda jgħożż. Il-patrun rivali tiegħu Tommy Sweet (Farrell) joffrilu jagħti wirja ta’ kant. Film grazzjuż fejn Bridges b’wirja ta’ simpatija jirnexxilu jirbaħ l-Oscar, kif ukoll joħroġ bl-unuri kollha jkanta l-kanzunetti hu stess, fosthom The Weary Heart (it-tema tal-film) ta’ T-Bone Burnett u Ryan Bingham li wkoll rebħet l-Academy Award bħala l-Aħjar Kanzunetta.
Ħafna mill-atturi li jaħdmu l-parti ta’ sakranazz li jirkibhom il-vizzju tax-xorb taw interpretazzjonijiet intensi u ta’ qawwa. Kienu wkoll bosta li rebħu l-unuri għal din il-kwalità ta’ parti u xi wħud anki rebħu l-Oscar. Ir-realtà iżda turi li xi atturi kienu wkoll alkoħoliċi u kien hemm minnhom li mietu minħabba dan il-vizzju ġieli wkoll flimkien mad-dipendenza tad-drogi.
Fost dawn insibu lil W. C. Fields, kummidjant li skont informazzjoni kien wieħed mill-iprem; oħrajn jinkludu John Barrymore, Buster Keaton, Robert Newton, John Cassavetes, John Gilbert, Dennis Price, Robert Downey Jr., William Holden (li miet wara li waqa’ meta kien xurban), Ben Affleck, Bradley Cooper, il-kittieb prolifiku Stephen King, Peter O’Toole, Frank Sinatra, Robert Shaw, Humphrey Bogart, Leonard Nimoy, Mel Gibson, Brad Pitt, u ħafna oħrajn.
Fost in-nisa nsibu lil Elizabeth Taylor, Carrie Fisher, Lindsay Lohan, Veronica Lake, Elizabeth Pena, Barbara Payton (mietet ħtija tal-alkoħol), Gail Russell, Joan Crawford, il-kantanta Billie Holiday, Drew Barrymore, eċċ. Xi wħud fittxew trattament fi kliniċi dwar dan il-vizzju u ġieli sabu rimedju.
Fl-aħħar nett, insibu xi atturi alkoħoliċi li kienu jgħixu ħajja mqallba waqt ix-xorb imsejħa “hell raiser life style” bħal Frank Sinatra, Dean Martin, Errol Flynn, Richard Burton, Richard Harris, Lee Marvin, Oliver Reed (li miet hawn Malta waqt f’ħanut tax-xorb) u diversi oħrajn.