‘Serving’ ta’ Miriana Conte: minn kontroversja għal suċċess?

Il-video mużikali l-ġdid huwa riflessjoni perfetta tal-vjaġġ emozzjonali u l-kritika li rċiviet Miriana

Il-kantanta Miriana Conte (Ritratt: Miriana Conte/Facebook)
Il-kantanta Miriana Conte (Ritratt: Miriana Conte/Facebook)

F’anqas minn 24 siegħa minn meta tpoġġa l-filmat mużikali fuq YouTube, il-kanzunetta Serving ta’ Miriana Conte rawha aktar minn 300,000 persuna.   

Jikkonferma l-interess u l-popolarità tal-artista, iżda wkoll ir-reżiljenza tagħha wara dak li seta’ kien disfatta għall-karriera mużikali tagħha. 

L-għażla ta’ Malta għall-Eurovision 2025, Kant ta’ Miriana Conte, spiċċat fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li l-European Broadcasting Union (EBU) talbet li jinbidel it-titlu u parti mil-lirika tal-kanzunetta. Il-kwistjoni qamet minħabba l-fatt li t-titlu tas-silta, li jfisser “kant” bil-Malti, għandu xebh fonetiku ma’ kelma offensiva bl-Ingliż. L-EBU tat ċans biex toħroġ verżjoni ġdida mingħajr il-kelma “kant” sal-10 ta’ Marzu. Dan wassal ukoll biex il-prestazzjoni finali tagħha fil-MESC, li kienet qed tixxandar fuq YouTube u li fi żmien jumejn kienu diġà rawha aktar minn 250,000 persuna, tneħħiet kompletament mill-pjattaforma. 

Il-video mużikali l-ġdid huwa riflessjoni perfetta tal-vjaġġ emozzjonali u l-kritika li rċiviet Miriana. Mill-bidu nett, l-artista tfaċċat fuq streċer, referenza għall-inċident li kienet involuta fih ftit sigħat wara l-prestazzjoni finali tagħha fil-MESC filwaqt li l-kummenti li jidhru fil-bidu tal-filmat huma kummenti veri li rċeviet matul il-perjodu tal-kontroversja. 

Il-kostumi fil-filmat huma metafora għal ħafna mill-kritika li saret fuqha. Madanakollu, minkejja l-kritika kollha u l-problemi li ħarġu fit-triq tagħha, Miriana xorta rnexxielha tikseb suċċess li saħansitra qabeż ir-rekord tagħha stess. Filwaqt li l-prestazzjoni finali oriġinali laħqet 300,000 segwaċi fi 48 siegħa, il-verżjoni l-ġdida tal-filmat laħqet l-istess numru f’anqas minn 24 siegħa. 

U hawn wieħed jistaqsi: Dan kollu hu ġust? Meta wieħed iqis li fl-istess kompetizzjoni, kanzunetta oħra minn pajjiż Ewropew bħal Finlandja għaddiet minkejja riferimenti provokattivi, wieħed jista’ jifhem il-frustrazzjoni ta’ Miriana u l-partitarji tagħha. 

Xorta waħda jista’ jkun li Miriana Conte ħarġet rebbieħa minn dan l-inċident, u wriet lil kulħadd kif minkejja l-isfidi u l-ostakli, it-talent u d-determinazzjoni jistgħu jkunu rebbieħa. Wieħed irid jara issa r-reazzjoni tal-pubbliku meta tibda l-kompetizzjoni vera tal-Eurovision. 

More in Divertiment