
[L-EWWEL PARTI] Il-film kult ‘The Conversation’ (1974)
F'din is-sensiela maqsuma f'żewġ partijiet, Carmel Bonnici jħares lejn l-iktar film kult tad-diretturi ċelebri Francis Ford Coppola, The Conversation

Jekk insaqsi lil xi dilettant tal-films dwar id-Direttur Francis Ford Coppola (fil-preżent Francis Coppola) żgur li se jsemmili l-aħjar films tiegħu The Godfather (1972), The Godfather, Part 2 (1974) u Apocalypse Now (1979). Imdaħħal bħala feles bejn iż-żewġ Godfather films insibu l-aktar film kult tiegħu, The Conversation, xogħol li tassew hu għal qalbi. Il-mewt misterjuża ta’ dan l-aħħar tal-attur Gene Hackman (martu u l-kelb) dlonk fakkritni f’dan il-kapulavur li rajtu bosta drabi.
Hackman jaħdem il-parti ta’ Harry Caul, bniedem ta’ privatezza kbira li għandu apparat tassew sofistikat li bih kapaci jissorvelja u jaqbad kwalunkwe diskussjoni bejn tnejn minn nies mill-vann tiegħu tant li jsibuh bħala “the best bugger in the East Coast”. Apparentement, dan l-ispeċi ta’ thriller li jiffoka fuq dan il-ġeneru ta’ film magħruf bħala “cinema of loneliness”, jimxi fuq fil li jesponi lil Harry li hu Kattoliku li qed ibati minn kriżi emozzjonali, morali u spiritwali ta’ ħtija, għax kif darba qallu qassis meta mar iqerr li mhux sewwa li jissendika lil ħaddieħor. Imma dan hu x-xogħol uniku u ewlieni tiegħu.
Id-direttur ta’ organizzazzjoni kbira (Robert Duvall) jikri lil Harry biex jispija fuq koppja x’inhuma jgħidu, aktarx martu u wieħed mill-impjegati tiegħu. Installat ġo vann f’Central Park mimli nies, ma’ sieħbu Stan (John Cazale), Harry jikkonvinċi ruħu mill-kliem li jisma’ li huma mwerwrin u mminaċċjati li se joqtolhom. Meta jmur jiltaqa’ mad-direttur, ma jingħatax permess li jarah, Harry ma jagħtix ir-recordings lill-assistent tal-kumpanija li javżah li qed ikun segwit.
F’riċeviment wara, espert ieħor tas-sorveljanza, Bernie Moran (Allen Garfield) ħabib tiegħu, jikxef li spjuna fuqu bħala ċajta. Meta jorqod ma’ waħda mara, naturalment mibgħuta mid-direttur, tisraqlu t-tapes però xorta jitħallas. Harry jossessjona ruħu f’dan il-każ. Lill-mara jwarrabha meta tissindika fuq ħajtu u l-privatezza tiegħu u jikri kamra f’ħotel maġenb fejn iż-żewġ maħbubin, Mark (Frederick Forrest) u Ann (Cindy Williams) semagħhom li se jiltaqgħu. Hawn hu jiskopri evidenza ta’ reat imma bi żvista jaqleb l-irwoli – ikun dan il-par li joqtlu lid-direttur u fl-aħbarijiet isemmu li miet b’ħabta ta’ karozzi.
Fl-aħħar ikun Harry stess li ma jkunx jista’ jemmen lilu nnifsu meta xi ħadd iċempillu minn telefown moħbi ġo kexxun li ħadd ħliefu suppost ma jaf bih u jkun imwissi biex ma jkomplix jinvestiga. Dak kollu li kien jgħożż f’ħajtu, l-iżolament, is-solitudni u l-aktar il-privatezza jikkrollaw ħesrem quddiemu. Fid-disperazzjoni li taqbdu jibda jfittex għal xi apparat ċkejken li bih forsi kienu qed jissemmgħu u jispjunaw fuqu, anki jkisser l-appartament tiegħu u saħansitra jfarrak Madonna tal-plastik, imma kollu għal xejn. Fl-aħħar, eżawrit, mifxul u għajjien, jaqta’ qalbu, jpoġġi fuq siġġu u jibda jdoqq is-sassafonu.