Biex tirbaħ gwerra trid tmur bis-suldati tiegħek
Dan l-aħħar erġajna smajna l-idjoma antika tal-Perit Mintoff; is-suldati tal-azzar. Fi żmien is-sittinijiet, fejn kien jiddomina l-Partit Nazzjonalista kellhom l-alleanzi tal-Knisja u tal-Ingliżi. Barra minn hekk kien hawn kampanja qawwija biex jibgħatu ċ-ċittadini Maltin li ma ridux mas-saqajn lejn l-Awstralja u l-Kanada; li kienu jammontaw mad-disat elef fis-sena. Fl-1971 bil-ħniena tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista bl-għajta ta’ Malta l-Ewwel u qabel kollox. Meta qabad jiggverna sab xkiel kbir. Però Mintoff; ta’ moħħ kbir li kien, induna li biex jirbaħ il-gwerra kellu juża s-suldati tiegħu. Dan beda jpoġġi nies li kienu leali lejh u tal-fiduċja tiegħu f’postijiet strateġiċi. Ħoloq il-korpijiet, biex iħaddem il-ħafna nies qiegħda li kien hawn, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu Laburisti, u beda jimxi ’l quddiem, għax minn kien qed ifixkel ma kellux bżonn aktar is-servizzi tiegħu. Beda jirbaħ il-gwerer kollha.
Iżda n-Nazzjonalisti ma qagħdux kwieti u ma felħux għal dan il-ġid kollu li kien qed jagħmel il-Gvern ta’ Mintoff. Osservaw kif kien qed jaħdem Mintoff biex jirbaħ il-gwerer u ħolqu l-armata tagħhom, li kienu jsejħulha tal-gakketta l-blu. Ma’ dawn ħolqu ħafna suldati oħra fid-dipartimenti, f’postijiet strateġiċi u ministeri, ippreparati għal meta jiġi l-waqt. Beda jsir ħafna tixwix kontra Malta ma’ pajjiżi oħra, u hawn Malta reġgħet bdiet tikkumbatti l-Knisja wkoll. Waslet l-elezzjoni tal-1987, u l-Partit Nazzjonalista kellu s-suldati kollha lesti, u kif kien hemm l-iċken indikazzjoni li l-elezzjoni ser tintrebaħ minnhom, mill-ewwel ħarġu s-suldati tagħhom, li okkupaw id-dipartimenti kollha fosthom id-depot tal-Pulizija u l-armata, u Kastilja u keċċew lil kulħadd ’il barra, u ma ħallew lil ħadd imiss xejn. Minn dakinhar ’l hawn, huma mlew id-dipartimenti u l-ministeri bin-nies leali lejhom li ħafna minnhom għadhom hemm sal-lum.
Fil-1996 reġa’ tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista, din id-darba kien immexxi minn Dr Alfred Sant. Però dan ma kienx jaqbel sa l-aħħar mat-tmexxija tal-Gvernijiet preċedenti, u ħalla kollox u lil kulħadd kif kien, għax kien jemmen li jista’ jmexxi bis-suldati li kien hemm. Iżda għarralu, għax is-suldati li kien hemm ma kinux tiegħu u ma kinux leali lejh. Irriżulta li dawn is-suldati kienu qed jimminawh, u allura meta ġie biex jiġġieled il-gwerer beda jitlifhom, għax is-suldati ma bdewx jaqduh. Għalhekk tilef kollox. Fl-1998 il-Partit Nazzjonalista ma kellux bżonn jibni armata bħal m’għamel qabel, għax is-suldati tiegħu kienu ġa f’posthom u għalhekk rebaħ il-gwerer kollha. Dan baqa’ jirbaħhom sa l-aħħar, sakemm sab kappel jiġih, għax f’Marzu tal-2013 il-Partit Laburista rebaħ l-akbar gwerra li qatt ġiet miġġielda f’Malta.
Iżda l-periklu hawn qiegħed, u jekk min qed imexxina jiġi aljenat jista’ jiġi l-mument li dak li rebaħ jerġa’ jitilfu. Kulħadd jaf li n-Nazzjonalisti m’għandhomx kwiet, u jiġġennu meta ma jkunux fil-gvern huma. Għalhekk wieħed dejjem irid ikun attent u għal lest għal dak kollu li jaslu għalih in-Nazzjonalisti. Kulħadd jinduna li kuljum dawn joħorġu b’xi ħaġa ġdida, li x’aktarx ikunu tawhielhom is-suldati tagħhom li għad hemm fid-dipartimenti. Għalhekk il-gwerra jkunu qed jiġġilduha dejjem, u għal din ir-raġuni li l-partit Laburista fil-Gvern għandu dejjem iżomm is-suldati tiegħu fejn suppost u dejjem għal lest.