Il-Prof. Charles Briffa - l-akkademiku, it-traduttur, u l-fittiex tal-kelma

'Grazzi tal-memorji sbieħ, għażiż Charles. Il-legat li ħallejt warajk se nibqgħu ngħixuh fir-riċerka u fil-kotba li ppubblikajt. Strieħ fis-sliem'

X’ħasda kif skoprejt bit-telfa tal-Professur maħbub Charles Briffa. Ili nafek mill-kotba li ppubblikajt, kemm dawk tal-letteratura, kif ukoll dawk l-aktar favoriti tiegħi dwar il-lingwa; l-istorja tagħha u l-etimoloġija tal-kliem. Imma sirt nafek aktar mill-qrib fi żmien l-Università u fid-drabi li ħbatna flimkien ta’ bla ħsieb waqt xi intervista fuq ir-radju jew fuq it-televixin.   

Bħalma jistgħu jixhdu l-għadd ta’ studenti li għallimt, il-passjoni lejn il-Malti, lejn it-traduzzjoni, u l-għatx għar-riċerka u l-iskopertà kienu fost l-aktar kwalitajiet li dejjem rajthom jispikkaw fik. Is-sabar u l-paċenzja fl-ispjegazzjonijiet mirquma tiegħek dejjem ammirajthom. Bla dubju, stil effettiv u tant apprezzat minn ħafna.  

Bis-saħħa tal-Għaqda tal-Malti – Università fis-16 ta’ Jannar 2021 kellna wkoll l-opportunità naħdmu flimkien bis-saħħa tat-taħdita “It-Tradutturi jgħidu Tagħhom” iżda żgur li l-isbaħ memorja tagħna flimkien hi riċenti grazzi għall-programm Etimoloġija. Minkejja li kont diġà kkontribwejt qatigħ fl-ewwel żewġ staġuni tal-programm, aċċettajt mill-ewwel l-istedina tiegħi għat-tielet staġun biex terġa’ tkun wieħed mill-kelliema protagonisti tal-programm. Niftakar il-konverżazzjonijiet ħelwin fuq il-lingwa jien u ngħaddi għalik kull darba li rrekordjajna, it-tingiżiet sottili li konna ngħaddu meta ma naqblux ma’ xi ħaġa dwar l-iżvilupp tal-lingwa, u fuq kollox dwar il-problemi f’saħħtek li bdejt tesperjenza. Din is-sena ridt nerġa’ ninvolvik,  u int, fil-25 ta’ Lulju 2024, minkejja x-xewqa li ma tiksirlix qalbi, għedtli: “Ippjana mingħajri. Għandi xi jiem l-isptar. Sabuli kondizzjoni medika serja. Ħallietni bla saħħa u bla ħeġġa.” Mur għidli li dik kellha tkun l-aħħar korrispondenza. 

Grazzi tal-memorji sbieħ, għażiż Charles. Il-legat li ħallejt warajk se nibqgħu ngħixuh fir-riċerka u fil-kotba li ppubblikajt. Strieħ fis-sliem. 

More in Ittri