Ittri - 04 ta' Mejju 2014

Don Quixote fostna

Kevin Aquilina

Dekan tal-fakulTà tal-liġi fl-università ta’ malta

Nagħmel referenza għall-artiklu ta’ Dr Joseph Ellis intitolat ‘Don Quixote fostna’ li deher fil-ħarġa tal-ILLUM tal-Ħadd 27 ta’ April 2014. F’dak l-artiklu Dr Ellis għamel referenza għal kitbiet tiegħi dwar żewġ materji partikolari fejn il-ħsibijiet tiegħi ma ġewx rappreżentati fedelment. Għalhekk ħassejt il-ħtieġa li nagħmel id-debita kjarifika.

Dr Ellis jistqarr li ‘l-Professur Aquilina deherlu li minkejja dak li jgħid l-ErskineMay, il-bibbja f’Westminster tal-proċedura parlamentari, mozzjoni ta’ impeachment ma tibqax fis-seħħ meta jxolji parlament ġaladarba l-Kostituzzjoni Maltija ma ssemmi xejn.’ 

L-ewwel nett, fil-kitbiet tiegħi, jien qatt ma użajt il-kelma impeachment. Anzi għamilt minn kollox biex nevitaha. Dan peress li l-Kostituzzjoni ta’ Malta ma titkellimx dwar impeachment ta’ imħallef imma dwar ‘tneħħija’ ta’ imħallef. Id-differenza hija li fil-każ ta’ impeachment ta’ mħallef irid ikun hemm is-sehem attiv taż-żewġt ikmamar tal-Parlament. Fl-Ingilterra u fl-Amerika l-Parlament huwa bikamerali; f’Malta l-Parlament huwa unikamerali. Għalhekk, f’Malta impeachment ta’ mħallef qatt ma jista’ jsir u l-Kostituzzjoni tagħżel id-diċitura tagħha bir-reqqa billi tirreferi għat-tneħħija ta’ mħallef. It-tieni, fil-kitbiet tiegħi, jien qatt ma ktibt li l-Kostituzzjoni Maltija ma ssemmi xejn dwar mozzjoni ta’ tneħħija ta’ mħallef wara li l-Parlament ikun xolt. Għall-kuntrarju, jien argumentajt li meta l-Parlament jiġi xolt, kull materja li tkun pendenti fid-data tax-xojliment tiġi fi tmiemha. Dan jinkludi abbozzi ta’ liġijiet kif wkoll mozzjonijiet ta’ tneħħija ta’ ġudikant mill-kariga għax din it-tip ta’ mozzjoni m’għandha xejn speċjali fiha li għandha tissupera l-Kostituzzjoni. 

L-argument tiegħi kien li fejn il-Kostituzzjoni riedet tagħmel eċċezzjoni għall-prinċipju li xi proċedura li tkun saret qabel mal-Parlament jiġi xolt tibqa’ fis-seħħ wara li jkun ġie xolt il-Parlament, il-Kostituzzjoni bl-aktar mod ċar u espress għamlet dan. Jien kont semmejt bħala eżempju l-ħatra ta’ Speaker. L-iSpeaker xorta jibqa’ jokkupa l-kariga minkejja x-xoljiment tal-Parlament. Iżda, fil-każ tal-Ispeaker, hija l-Kostituzzjoni li qed tagħmel din l-eċċezzjoni. Il-Kostituzzjoni ma tagħmel imkien eċċezzjoni li mozzjoni ta’ tneħħija ta’ ġudikant għandha tibqa’ ħajja minkejja li l-Parlament ikun miet. Għalhekk, f’dan il-kuntest, l-iStanding Orders tal-Kamra jew l-Erskine May huma għal kollox irrelevanti la darba l-Kostituzzjoni nnifisha ddisponiet kif tiġi trattata mozzjoni ta’ tneħħija ta’ ġudikant qabel, waqt u wara x-xoljiment tal-Parlament. Naqbel perfettament li l-Erskine May għandu valur għall-interpretazzjoni tal-prattika li tintuża fil-Parlament Malti iżda għalkemm l-Erskine May huwa l-bibbja parlamentari għall-Inġliżi, dan mhux ċertament il-każ f’Malta. Dan għaliex kien hemm rulings tal-iSpeaker fejn dan espressament iddikjara li l-Erskine May ma japplikax għal Malta.

Bħalissa qed jiġini f’moħħi ruling riċenti tal-iSpeaker l-Onor. Dottor Anglu Farrugia tat-3 ta’ Frar 2014 dwar il-produzzjoni ta’ xhieda quddiem il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fejn ingħad li l-proċedura dwar xhieda fil-Parlament Malti hija differenti minn dik fil-Parlament Ingliż. Kif jgħid tajjeb il-Professur Raymond Mangion fil-ktieb tiegħu Speakers Rulings in the Parlament of Malta, ‘Historically our Parliament has followed the Westminster tradition and indeed our concluding Standing Order 197 states very clearly that: “In all cases not provided for by these Standing Orders, resort shall be had to the rules, forms, usages and practice of the Commons’ House of Parliament of the United Kingdom, which shall be followed as far as they can be applied to the proceedings of the House with due regard to the special nature of the Constitution.” Standing Order 197 remains a measure of last resort’. L-Erskine May qatt ma jista’ jipprevali fuq il-Kostituzzjoni ta’ Malta meta hija tiddikjara li x-xoljiment tal-Parlament iġib miegħu t-tmiem ta’ kull materja li tkun pendenti quddiem il-Kamra qabel ma dik tiġi xolta.

Dwar il-kwistjoni ta’ jekk imħallef għandux jingħata smiegħ xieraq mill-Kamra tad-Deputati, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Olijuc v. Kroatia (u f’sentenżi oħra li jikkonċernaw membri tal-ġudikatura), qalet hekk: ‘In the circumstance of the present case, the Court finds that the national authorities’ refusal to examine any of the defence witnesses led to a limitation of the applicant’s ability to present his case in a manner incompatible with the guarantees of a fair trial enshrined in Article 6.’ Jiġifieri, dik il-Qorti aċċettat li d-dritt għal smiegħ xieraq fi proċeduri dixxiplinarji tal-Imħallef Olijuc ġie miksur. Fil-fatt dik il-Qorti qiegħda kontinwament tivżiluppa l-każistika preċedenti tagħha. Il-każ ta’ Olijuc huwa biss wieħed minnhom u m’hemmx dubju li dan l-iżviliupp huwa pożittiv.

Il-bxara t-tajba ’l bogħod minn xtutna

Mario u Audrey 

Borg u wliedhom 

Guam

“Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ min iħabbar bxara tajba.” Aħbarijiet tajbin huma bħal tazza ilma friska f’din d-dinja apparentament mimlija b’aħbarijiet koroh. Għalhekk ninsabu ferħanin ħafna li nistgħu niktbu b’radd ta’ ħajr lill-benefatturi ta’ Mission Fund ta’ Malta għall-kontribut siewi li bih qed jgħinu lil tant missjunarji Maltin f’artijiet barranija. 

Aħna, familja minn San Ġwann li ġejna mibgħutin fil-missjoni fi Guam (gżira żgħira fil-Paċifiku) sa mis-sena 2005, nixtiequ nirringrazzjaw lil Mission Fund talli għal darb’oħra ħasbu fina. X’inhi l-missjoni tagħna hawnhekk? Hi preċiżament li nagħtu xhieda tal-aqwa bxara tajba: dik ta’ ħajja ġdida fi Kristu! Fil-każ tagħna, ħajja fi ħdan familja ta’ ħames ulied, tlieta minnhom issa huma adolexxenti. Guam tixbah b’xi mod lil Malta. Għalkemm kienet waħda mill-ewwel gżejjer fil-Paċifiku fejn waslet il-fidi, illum għaddejja minn kambjament kulturali enormi. Aħna ninsabu hawn sabiex natu xhieda tal-imħabba t’Alla! L-ħolma ta’ ħafna nies fi Guam hi li jaħarbu minn hawn, u jmorru jfittxu ħajja aħjar fl-Istati Uniti, peress li Guam hi territorju Amerikan u bażi militari importanti. Hemm mod aħjar kif wieħed jista’ jwassal il-messaġġ li Alla verament bagħat lill-Ibnu għalina lkoll milli wieħed joffri ruħu li jintbagħat hu stess sat-trufijiet tad-dinja sabiex jaqsam ħajtu ma’ nies ’il bogħod?

Nixtiequ nistiednu l-pubbliku inġenerali sabiex jibagħtu bolol użati u donazzjonijiet li jgħinu lil missjunarji Maltin f’artijiet tat-Tielet Dinja. Kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru online jew transazzjoni diretta l-bank f’wieħed minn dawn l-kontijiet: 

HSBC (Numru tal-Kont: 061 197 448 050), 

BOV (Numru tal-Kont: 163 007 980 19), 

APS (Numru tal-Kont: 200 008 207 62) jew 

BANIF (Numru tal-Kont: 000 879 631 01). 

Issibu aktar informazzjoni fuq is-sit: www.missionfund.org.mt.

Itolbu għalina, kif aħna wkoll minn naħa tagħna nassigurawkom li niftakru fikom fit-talb tagħna u li l-Mulej ibierek lilkom u lil ta’ madwarkom għal mitt darba.

Give merit where it is due!

Kavallier Joe M Attard

Inħossni fid-dmir li nifraħ u ngħid prosit lil dawk il-ħaddiema li b’tant għaqal u sengħa reġgħu taw dehra ġdida lill-funtana li nsibu quddiem l-iskola tas-6th Form imsemmija għal Sir Mikelanġ Refalo li kienet mejta għal ftit xogħol ta’ restawr. Minn hawnhekk jgħaddu ta’ kuljum mijiet ta’ nies barra li jkun hawn ukoll mijiet ta’ studenti u allura kien xieraq li jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Tieħu gost issa tieqaf quddiemha u tgawdi d-dehra sabiħa tagħha flimkien mal-frisk li toħloq bl-ilma safi u nadif tagħha issa li tibda tinħass is-sħana. Importanti li kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex tinżamm taħdem u tibqa’ nadifa waqt li l-ġardinar kultant jagħmlilha vista. Kont wasalt biex naħseb li ħadd ma jagħti kas ta’ xejn f’din il-gżira ċkejkna tagħna imma mort żmerċ. 

Nieħu gost ngħid ukoll li sar progress fuq il-problema tal-buses li minn pjazza San Franġisk jkunu jridu jinżlu għal Triq Putirjal; issa ġew installati d-dwal tat-traffiku u dawn żgur li jħaffu l-problema li kienet ilha teżisti għal żmien twil; jista’ jkun li fl-imgħoddi kienu ġa għaddew xi wires imma x-xogħol kien waqaf hemm; issa l-affari jidher li riesqa lejn konklużjoni mixtieqa.

Ġejt imwiegħed ukoll li l-monument ta’ Ninu Cremona sa jieħdu ħsiebu u jiddawwal kif għandu jkun waqt li l-istatwa tas-Salvatur fuq il-għolja tal-merżuq se tkun imdawla matul il-lejl. Waqt diskursata li kelli mal-Ministru għal Għawdex waqt riċeviment, assigurani wkoll li ċertu traffiku ewlieni sa jieqaf jgħaddi mill-qalba tar-Rabat, ngħidu aħna Triq Vajrinġa waqt li qalli wkoll li għandu pjanijiet għal funtana ta’ Pjazza San Franġisk kif ukoll il-ħolqien ta’ triq oħra jew passaġġ komdu li minn dil-pjazza twasslek il-venda. Semmejt dil-kitba Give merit where it is due għaliex kif kont raġel biex nikteb dwar ċerti nuqqasijiet, issa li dawn ġew irranġati, ħasssejt li ma għandix noqgħod lura u nistqarr il-verità tal-fatti. 

Dr Refalo ma naqasx jgħidli li “issa rranġajnihulek in-nuċċali ta’ Laurent Ropa” wara li kont ktibt dwar il-ħsara li saritlu għal xi darbtejn; min isegwi l-ġurnali jaf li jien mill-ewwel ktibt u raddejt ħajr lil min sewwa dan il-bust fil-Villa Rundle. Il-Ministru żied jgħidli li rnexxielu jibni tim ta’ ħaddiema lesti biex jieħdu azzjonijiet bħal dawn hekk kif tqum il-ħtieġa u allura jien ma jibqagħlix triq oħra ħlief li ngħidlu ‘Prosit’! Wara kollox huwa dmir tagħna lkoll li nfittxu l-ġid ta’ gżiritna iktar u iktar min ikun fl-awtorità. Nissuġġerilu jibda sistema ta’ asfaltar tat-toroq li bosta minnhom ilhom żmien ma jaraw xi ftit tat-tarmak; naf li laħaq xi ftehim mal-Kunsilli Lokali tax-Xewkija u Ta’ Sannat dwar hekk; infakkru ma jinsiex lir-Rabat fejn ra d-dawl tax-xemx għall-ewwel darba.

More in Ittri