Ittri tal-Ħadd 24 t'Awwissu 2014
Tifkiriet
Minn Edward Torpiano
Floriana
Nixtieq ngħaddi kumment dwar serje ta’ artikli bl-isem, “Mill-Ħażna tat-Tifkiriet” miktuba minn Joseph Micallef Stafrace f”sezzjoni oħra tal-istampa lokali (Leħen is-Sewwa) b’mod partikulari dwar il-kummenti li kultant iżerżaq dwar il-kwistjoni politiko-reliġjuża. Donnu qed jipprova jerġa’ jikteb l-istorja ta’ Malta kif irid hu u kif jaqbel lilu biss.
Lil dan l-artikolista nfakkru biss fi kliem il-Papa Gwanni Pawlu II li, waqt żjara li Dom Mintoff għamel f’Ruma fit-12 ta’ Novembru 1981, qallu: “Hu għalhekk li l-Knisja Kattolika bil-ħidma tagħha toffri kontribut siewi ħafna għall-ħajja tas-soċjetà ċivili kif jixhed l-għadd kbir ta’ istituzzjonijiet fil-kamp edukattiv, assistenzjali u karitatevoli u l-wirt li ma jitkejjilx ta’ valuri li għandhom x’jaqsmu mas-sbuħija tal-familja. Biex tkun tista’ twettaq is-servizz tagħha, il-Knisja Kattolika titlob il-libertà li tmiss lilha għax irċeviet mingħand Alla l-mandat li hu dmir u dritt li xxandar il-Vanġelu f’forom adegwati għall-istess natura ta’ dan il-messaġġ u għad-dinjità umana ta’ dawk li lilhom dan il-messaġġ hu dirett.”
Għaldaqstant, nistaqsi x’kienet ir-raġuni li taħt Gvern Mintoffjan, (li, għal xi żmien, Joseph Micallef Stafrace kien parti minnu), il-Knisja Kattolika sabet ruħha fi stat miskin li kellha titlob il-libertà li hi dritt tagħha!
Festa kbira ad unur tal-Karmnu fiż-Żurrieq
Minn Joe Chetcuti
Ħaż-Żebbuġ
Nixtieq permezz ta’ din il-gazzetta nwassal l-apprezzament tiegħi lill-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria u magħhom inżid liż-Żrieraq kollha għall-festa kbira u sabiħa li huma organizzaw fiż-Żurrieq f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu, festa kompluta minn kollox, purċissjoni devota, nar eċċellenti, armar sabiħ u banda kbira u organizzata.
Ħadt gost immens ħafna naqra l-ktieb tal-festa tal-istess soċjetà, li tista’ tgħid li huwa wieħed mill-aqwa pubblikazzjonijiet tax-xorti tiegħu fil-pajjiż.
B’mod partikolari ħadt gost immens naqra l-artiklu ‘Bl-iswed fuq l-abjad’. Tista’ tgħid li f’kull raħal jew inkella belt fejn hemm żewġ baned teżisti wkoll il-kontroversja ta’ min kien l-ewwel. Jekk hemm xi ħaġa li wieħed bir-raġun kollu jista’ jikkonkludi minn dan l-artiklu, irriċerkat, irraġunat u bbażat fuq il-provi hija bla dubju ta’ xejn il-primat fejn tidħol il-mużika fiż-Żurrieq. Dan qiegħed f’idejn il-Banda Queen Victoria bħala l-kontinwazzjoni ta’ La Filarmonica Del Zurrico.
Ma’ dan l-artiklu jidher biċ-ċar li m’hemm xejn li kien jeżisti qabel is-sena 1865, sew jekk orkestra u anke jekk soċjetà, hi x’inhi, u għadha teżisti sal-lum!
Prosit mill-ġdid u grazzi tal-festa unika, kbira u sabiħa f’ġieħ il-Beata Verġni Marija Reġina tal-Karmelu Protettriċi Ewlenija taż-Żrieraq.