Ittri tal-Ħadd 31 t'Awwissu 2014
Ibagħtu l-ittri tagħkom fuq: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew fuq [email protected]
Iżjed tifkiriet
Minn Edward Torpiano
Floriana
Fl-artiklu li jġib l-isem ‘Fehmti’ miktub minn Joe Micallef Stafrace (It-Torċa, 17 ta’ Awwissu 2014) meta kien qed jitkellem dwar il-possibbiltà li, b’diktat bla ebda konsultazzjoni minn Kastilja, l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali kollha jkollhom isiru fl-2019, dan l-artikolist sostna: Bħalissa għaddejja diskussjoni dwar meta għandhom jinżammu l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u dwar kemm għandu jkun twil il-perjodu bejn ħatra u oħra. It-tama tal-kotra hi li tkun diskussjoni serja, ta’ ħsieb u li nieqfu milli nippolitiċizzaw kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx... billi nfakkar li l-istess artikolist li hu żgur mhux hekk għamel f’serje ta’ artikli minnu ffirmati, (liema serje ta’ artikli ġġib l-isem, Mill-Ħażna tat-Tifkiriet), fil-ġurnal Leħen is-Sewwa.
Dan, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni politiko-reliġjuża fejn qed jipprova jerġa’ jikteb l-istorja mill-ġdid, iżda kif jaqbel lilu biss.
Rajtha kif tkun il-propaganda soċjalista? Fejn irid jgħid li m’hemmx għalfejn nippolitiċizzaw u fejn irid erħilu jrewwaħ propaganda antiklerikali rħisa.
Minn Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex
Din hija l-frażi li qed nisma’ ta’ kull darba li ngħaddi minn quddiem l-istatwa ta’ San Ġorġ li ħaddiema Għawdxin fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, bl-inizjattiva ta’ Wirt Għawdex għadhom kemm irrestawraw, u li tinsab imperrċa fuq ħajt quddiem il-Knisja tal-Madonna Ta’ Pompej f’Victoria. Din l-istatwa għal snin twal kienet tinsab fi stat ta’ abbandun u kont tistħi tħares lejha imma issa ma tistax ma tiġbidlekx l-attenzjoni hekk kif tgħaddi minn taħt ir-riħ tagħha; u bir-raġun għax l-artisti tagħna għamlu biċċa xogħol ta’ min ifaħħarha.
Żgur li fost il-ħaddiema tagħna Għawdxin jeżistu artisti li kapaċi jmiddu jdejhom u jagħtu l-ħajja lill-opri tal-arti li jkunu marru lura. Dan huwa propju wieħed minn dawn l-eżempji. L-istess xorti qaluli li messet lill-istatwa tal-Madonna magħrufa bħala tar-Rummiena li tinsab mhux bogħod miċ-Ċimiterju tal-Barmil limiti tax-Xewkija, u li issa tista’ titgawda ferm aħjar. L-istatwa ta’ San Ġorġ jien niftakarha dejjem fejn hi llum u dejjem kelli x-xewqa li xi ħadd ma jħallihiex tiddeterjora iktar; fl-aħħar qed naqta’ xewqti. Jalla tibqa’ fl-istat splendendi li hi u jalla l-pjanta li tikber qrib tagħha ma titħalliex toħnoqha u taħbiha kif sar fl-imgħoddi. Mill-ġdid prosit u grazzi lil kull min kien responsabbli biex San Gorġ mill-ġdid qed isebbaħ din in-naħa tal-Belt Victoria.