Ittri tal-Ħadd 7 ta' Settembru

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew [email protected]

Grazzi mill-Filippini

Minn Sr Gemma Fenech 

Bataan, il-Filippini

Permezz ta’ din il-gazzetta nixtieq nirringrazzja lil Mission Fund tal-għajnuna finanzjarja li qiegħda nirċievi mingħandhom kull meta niġi Malta. 

Għall-maġġoranza tan-nies fil-Filippini l-ħajja hija wisq differenti minn kif ngħixu aħna hawn Malta. Minħabba l-popolazzjoni enormi tal-pajjiż ħafna nies fil-provinċji ma jsibux xogħol u jsibuha wisq diffiċli li jipprovdu għall-ħajja ta’ kuljum. It-tifuni ma jonqsu qatt u jħallu ħerba kbira warajhom. L-għajnuna li jkollhom bżonn hija kbira, u aħna permezz tal-għajnuna li nirċievu mingħand il-Misson Fund inkunu nistgħu ngħinu lil dawk li jkunu ġew milquta, speċjalment f’dak li hu xiri ta’ xkejjer tar-ross, ħwejjeġ eċċ. Ngħinu wkoll fil-qasam edukattiv. Bnejna wkoll xi kmamar tal-bricks għalihom, minflok il-kmamar żgħar tal-bamboo li ma’ kull xita qawwija jiġu meqruda.

Għalhekk inħeġġeġ lill-qarrejja kollha sabiex jibagħtu d-donazzjoni tagħhom lill-Mission Fund, biex aħna l-missjunarji Maltin inkunu nistgħu ntejbu l-ħajja ta’ ħafna nies inqas ixxurtjati minna. Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu f’dawn il-kontijiet bankarji: 

HSBC: 061 197 448 050, BOV: 163 007 980 19, APS: 200 008 207 62, Banif: 000 879 631 01 jew permezz tas-sit elettroniku www.missionfund.org.mt

Minn qalbi nerġa’ nirringrazzjakom u nwegħedkom it-talb tagħna.

G. Schembri, 

Minn eks Membru GWU

Fgura

Beda jkun diskuss il-baġit għas-sena 2015. Huwa għalhekk il-mument propizju li f’isem il-pensjonanti, dawk imsejħa ta’ qabel l-1979 nagħmel sejħa l-ewwel lill-Għaqdiet tal-Pensjonanti inkluż il-Kunsill tal-Pensjonanti u l-Unjins biex jippressaw lill-Gvern jirrimedja għad-diskriminazzjoni li teżisti fil-pensjoni msejħa ‘Kommutata’.

Il-pensjonanti milquta qed isofru inġustizzja kbira għaliex qed jirċievu pensjoni li hija anqas minn żewġ terzi u li allura qed tmur kontra l-istess liġi tal-pensjoni. Ta’ min iżid jgħid li l-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-pensjonanti i.e. li qed jirċievu pensjoni kommutata u ilhom hekk għal 12-il sena qed jirċievu pensjoni waħda li tagħmel is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom aktar serja.

Il-PN fil-Gvern kien injora din l-inġustizzja għal 25 sena sħaħ u kien proprju qabel l-aħħar elezzjoni li wiegħed li jekk ikun fil-Gvern kien se jneħħi din l-inġustizzja billi jagħti l-pensjoni lil dawk milquta, pensjoni ta’ żewġ terzi. Din l-inġustizzja kienet ilha tkun imqajma minn dawk milquta sena wara l-oħra bil-Gvern tal-PN jaqa’ u jqum u minn widna kienet tidħol u mill-oħra kienet toħroġ.

Issa nistennew li dan il-Gvern jagħraf din l-inġustizzja u jirrimedja għaliha fil-baġit li jmiss. Huwa d-dmir tal-Għaqdiet tal-Pensjonanti u tal-Kunsill tal-Pensjonanti kif ukoll tal-Unjins li jippressaw lill-Gvern fid-diskussjonijiet li se jkollhom biex din l-inġustizzja tkun irrimedjata.

B’hekk tkun qed issir ġustizzja ma’ dawk il-pensjonanti milquta u titneħħa diskriminazzjoni li ilha sejra s-snin. Barra minn hekk, tkun qed tittaffa xi ftit it-tbatija finanzjarja li l-pensjonanti milquta qed ikollhom jgħaddu minnha.

Issa huwa l-mument tal-prova għall-Għaqdiet tal-Pensjonanti, għall-Kunsill Nazzjonali tal-Pensjonanti u tal-Unjins inġenerali. Wara kollox dawk milquta kienu membri ta’ dawn il-Unjins u ħafna minnhom huma membri tal-Għaqdiet tal-Pensjonanti.

More in Ittri