Ittri tal-Ħadd 9 ta' Novembru
L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]
L-Isqof u Xarabank
Kevin Pappargiorcopulo
Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Kurja
L-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Kurja jixtieq jikkjarifika li meta l-Isqof Scicluna, waqt il-programm Xarabank kien qed juri li kien ixxukkjat li sar jaf bil-każ fuq il-mezzi tax-xandir, kien qed jirreferi dwar il-każ kriminali li kien se jitressaq fil-qorti u l-fatt li s-saċerdot akkużat ma deherx tliet darbiet il-qorti.
Azzjoni minn patri Fenech li rrabjat lill-Isqof.
Billi l-każ kien qed jiġi investigat mir-Response Team tal-kurja ma kienx hemm dubju li l-awtoritajiet tal-Knisja kienu jafu bl-allegazzjoni u dan jinkludi l-Isqof Scicluna. Iżda huma riedu jistennew il-final ta’ dak li kien se joħroġ mill-investigazzjoni tar-Response Team qabel jieħdu xi azzjoni.
Waqt Xarabank l-isqof innifsu rrefera għal din l-investigazzjoni u ddeskriva d-dewmien tagħha bħala innaċċettabli. L-Isqof Scicluna tgħid l-istqarrija jixtieq jemfasizza li hu tal-mistħija li wieħed jaħbi każi bħal dawn u appella li dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar dan il-każ biex jirrappurtawhom lill-awtoritajiet relevanti.
Bħala prosekutur tal-Kongretazzjoni tad-duttrina tal-fidi tal-vatikan, l-isqof Scicluna qatta’ aktar minn 10 snin jiġġieled kull forma ta’ abbuż sesswali u jinsab determinat li jagħmel l-istess f’Malta.
L-Amministrazzjoni tal-Kurja
Richard A Matrenza
San Pawl il-Baħar
Nibda biex nagħmel dikjarazzjoni ċara u profonda li jiena nagħmel distinzjoni bejn Knisja u Kurja. Il-Knisja hija dik l-organizzazzjoni li waqqaf Ġesù Kristu. Il-Kurja hija l-parti amministrattiva magħmula mill-bnedmin u li qatt u bl-ebda mod ma niżel fuqhom l-Ispirtu Qaddis la fil-Pentekoste u lanqas f’xi żmien ieħor.
Wara li ġie stabbilit dan il-punt fundamentali niġi biex issa għall-kritika diretta li rrid nagħmel li Kurja Maltija bl-Amministrazzjoni tagħha.
Fl-20 ta’ April 2012 ktibt lill-Kurja – bil-Malti, sal-lum irċevejt biss biljett bl-Ingliż: “His Grace the Archbishop acknowledges receipt of your letter dated 20.04.2012” fuq il-firma ta’ Fr Mario Camilleri - Segretarju.
F’Mejju 2013 ktibt lill-Kurja fuq suġġett ieħor. Sal-lum la rikonoxximent u lanqas tweġiba.
Fit-28 ta’ Lulju 2014 ktibt bil-Posta Reġistrata u erġajt elaborajt fuq dak li kont ktibt f’Mejju 2013. Bagħat ukoll kopja tal-ittra ta’ Mejju 2013. Sa issa silenzju assolut.
Nirrepeti dak li għidt fil-bidu. Il-kritika tiegħi hi għal dak li tolqot l-amministrazzjoni negattiva tal-Kurja.
Nittama li l-messaġġ jasal u ma niftiehemx ħażin.