Ittri tal-Ħadd 8 ta' Frar
L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]
Il-fondazzjoni Rise
Fr. Franco Fenech OFMCap
Kappillan tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Il-fondazzjoni Rise bħalissa għaddejja bix-xogħol tagħha fuq it-tħejjija tad-dar residenzjali fil-Belt Valletta.
Ix-xogħol fid-dar miexi b’ritmu tajjeb, tant li fix-xhur li ġejjin, il-post se jkun lest li jilqa’ fih residenti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li se jsegwu programm ta’ rijabilitazzjoni, xhur qabel ikunu skontaw is-sentenza tagħhom. Max-xogħol ta’ ristrutturar tad-dar, għaddejjin tħejjijiet minn persuni professjonali fuq il-programm innifsu li se jingħata lir-residenti.
L-isem tad-dar huwa Dar Sister Marija Adele Baldacchino, li hija soru tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret. L-iskop ta’ dan l-isem huwa biex tiġi rikonoxxuta l-ħidma ta’ din is-soru li għadha mimlija bil-għomor, li għall-22 sena sħaħ ħadmet fil-Faċilità Korrettiva b’risq il-priġunieri. Fil-plakka komemorattiva tniżżel li din is-soru hija l-Mamà tal-Priġunieri għaliex dejjem ħadmet bil-qalb, b’atteġġjament ta’ omm u b’dedikazzjoni biex il-priġunieri jsibu rispett u mħabba li jnisslu fihom ix-xewqa ta’ ħajja aħjar.
Ix-xogħol kbir li Sister Marija Adele Baldacchino tagħmel bil-moħbi, tagħmlu bil-qalb u b’fedeltà kbira u żgur li hija għajnuna kbira għar-residenti u l-ħaddiema tal-Faċilità. Tul dawn is-snin li ili Kappillan fil-ħabs, kienu ftit il-ġranet li niftakar li fihom hi ma ġietx u dawn il-ġranet kienu minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Il-priġunieri laqgħu bil-ferħ il-fatt li d-dar se tissemma’ għal Sister Marija Adele għax huma wkoll jagħrfu fiha persuna li tħobbhom u tixtiqilhom il-ġid u għalhekk jirrispettawha u saħansitra, xi wħud mill-barranin, isejħulha ‘mama’! U hija verament għandha qalb ta’ omm li taf tħobb lil persuna mingħajr ġudizzju jew restrizzjonijiet.
Min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jikkuntattja l-uffiċċju tal-Fondazzjoni jew iżur is-sit il-ġdid fuq: www.risemalta.org.mt