Ittri tal-Ħadd 15 ta' Frar
L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]
Lino Ellul
San Ġwann
Altru li kienu interessanti; dak is-suppliment dwar il-kura tal-annimali, kif ukoll dak l-artiklu ta’ Andrew Azzopardi, dwar il-kunsens fis-sess minn 16, fl-ILLUM tal-25 ta’ Jannar 2015! Fil-fatt meta jiena nemmen li huwa tant importanti li aħna l-bnedmin niddiskutu dwar in-neċessità tat-tiswija tal-klieb u l-qtates, wisq iżjed nemmen li aħna obbligati li niddiskutu dwar l-importanza tal-edukazzjoni u l-kontroll tal-att sesswali, bl-addoċċ fostna l-bnedmin! Kif allura b’xi mod, issuġerew tant tajjeb anki xi persuni prominenti fl-ILLUM tal-1 ta’ Frar 2015!
Bla ħafna logħob tal-kliem, jiena nemmen li l-akbar żewġ rigali li Alla ta lill-bniedem, huma l-intelliġenza umana, kif ukoll l-att sesswali; li allura fil-liġi naturali, kull att sesswali bejn raġel u mara, loġikament ifisser żwieġ! B’dan kollu jiena nemmen ukoll li l-bniedem tfixkel fihom it-tnejn! Appuntu, jiena nemmen li l-passjoni sesswali hija l-aktar passjoni qawwija li teżisti f’kull maħluq mid-dehem u l-laħam; iżda donnu li jekk l-annimali, it-tjur, kif ukoll il-ħut tal-baħar, iħossu dan l-istint f’perjodi differenti tal-ħajja, żgur li kif jidher (għalkemm forsi mhux bħala regola) aktarx li l-bniedem iħoss dan l-istint kontinwu sa minn tfulitu u mhux meta jagħlaq is-16!
Fil-fatt aħna l-Kattoliċi tal-passat dejjem tgħallimna, li kull att sesswali barra miż-żwieg (anke jekk kontra n-natura fiż-żwieġ) imur dejjem kontra s-sitt kmandament, u allura huwa dejjem dnub gravi quddiem Alla! Iżda minn naħa l-oħra aħna tgħallimna wkoll li l-gravità ta’ kull xorta ta’ dnub tiddependi dejjem, kemm minn min jagħmel id-dnub, kif ukoll mill-gravità tal-konsegwenzi tad-dnub! Għaliex il-konsegwenzi ta’ kull xorta ta’ dnub ma joffendux biss lil Alla, iżda f’ħafna każi dawn joffendu wkoll direttament lil bniedem, anki jekk dan ma jkunx jemmen fil-liġi ta’ Alla!
Altru li ma nixtieqx ninftihem ħażin fl-argumenti tiegħi; altru li bħala Kattoliku ma nista’ qatt nippretendi li l-Knisja Kattolika tista’ qatt tinkoraġġixxi l-kontraċettivi, meta dan dejjem ifisser dnub! Iżda meta l-att sesswali sploda mhux biss fost l-adulti, iżda anki fost l-adolexxenti; ngħid jien possibbli li l-Knisja Kattolika tista’ tkompli tikkundanna kull xorta ta’ kontraċettivi, bla ma tispjega ċar u tond dan l-argument? Għax fil-każ permezz tal-qrar, mhux aħjar li persuna tkun ħatja biss quddiem Alla l-Ħallieq tal-att sesswali, milli wkoll b’irresponsabbiltà li tista’ tkun irriparabbli, tal-ulied li jiġu fid-dinja b’kawża tal-att sesswali li jseħħ bl-addoċċ?!
Għax jekk allura, minkejja li skont l-esperti fis-suġġett ma teżisti l-ebda garanzija ta’ sigurtà f’kull att sesswali li jsir bejn raġel u mara! Tgħid meta minn naħa l-ohra, kemm jekk bil-gear tar-reverse minn naħa tar-raġel, kif ukoll jekk bil-kontraċettivi minn naħa tat-tnejn, jistgħu b’xi mod ikunu prekawzjoni għat-tqala, mhux aħjar li jintużaw dawn il-metodi milli jiġu fid-dinja kemm ulied mhux mixtieqa u allura abbandunati bħal klieb u l-qtates, (f’dinja mimlija b’miljuni ta’ wlied imġewħa jmutu bil-ġuħ, kif ukoll b’miljuni ta’ wlied żgħażagħ iddisprati bla xogħol, aktarx fit-triq tat-telfien) kemm ulied maqtula bl-abort, kemm kull xorta ta’ mard sesswali, kif ukoll aktarx kull xorta ta’ nkwiet serju eċċ. għal kull min ikun involut?! U allura ngħid jien, mhux din id-diżordni ta’ sess bl-addoċċ, għandha tistudja bis-serjetà kemm l-intelliġenza umana, kif ukoll dik Kattolika fis-seklu 21?!