Ittri tal- Ħadd 15 ta' Marzu

L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]

Michael Camillieri

Birkirkara

Bl-emendi kollha li saru s’issa fil-kostituzzjoni u fil-liġi elettorali, baqa’ jkollna riżultati li ma jirriflettux b’mod fidil ir-rieda espressa bil-vot tal-poplu.

Fl-1996, il-PL rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali b’marġini ta’ 7,000 vot u ggverna b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed, li ħa bl-aġġustament skont il-Kostituzzjoni.

Fl-2003, il-PN rebaħ b’differenza ta’ 13,000 vot u ggverna b’maġġoranza parlamentari ta’ 5 siġġijiet.

Fl-2008 l-PN kellu 1,500 vot iżjed mill-PL imma inqas minn 50% tal-vot nazzjonali, u ggverna b’maġġoranza ta’ siġġu wieħed (bla kwota) allavolja t-tielet partit kellu mal-5,000 vot bla ma rebaħ siġġu.

Fl-2013, l-elezzjoni ntrebħet mill-PL b’marġini ta’ 36,000 vot u b’maġġoranza parlamentari ta’ 13-il siġġu. Id-differenza ftit sproporzjonata ta’ siġġijiet tniżżlet għal disa’ aġġustamenti kostituzzjonali.

Dawk huma kollha eżempji fattwali ta’ riżultati skorretti jew inġusti, li b’modi diversi ma jirriflettux sewwa l-vot tal-elettorat. F’dawk id-differenzi, l-valur ta’ siġġu jew l-appoġġ għal deputat varjaw bejn 1,500 vot fl-2008 għal 2,600 vot fl-2003 u fl-2013, sa 7,000 fl-1996.

L-inkonsistenza inġusta, tirriżulta mis-sistema elettorali, fejn tinħela kwota sħiħa ta’ voti f’kull distrett, peress li kull wieħed  mill-5 deputati ta’ distrett jitla’ b’vot minn kull 6 tal-voti validi. 

Allura, kwota voti minn kull distrett (16.6%) ma jintużawx għar-rebħ ta’ siġġu parlamentari. Mela kull elezzjoni jkollna 16-il kwota mitlufa, li jammontaw għal telf globali ta’ madwar 60,000 vot.

Miċ-ċaqliq tal-appoġġ politiku bejn il-konfini tad-distretti, jiddependi liema partiti jitilfu jew jiggwadanjaw minn dan il-ħela ta’ voti.

Bl-aħħar emendi fil-kostituzzjoni, ntgħelbu l-problemi tal-manuvrar tal-konfini, imma ma ssolva xejn mid-difett serjissimu tal-interpretazzjoni inkonsistenti u skorretta tal-vot nazzjonali. Hemm bżonn li dan jiġi rimedjat biex ma jkollniex iżjed riżultati inġusti bħal dawk li diġà elenkajt.

L-għan tad-demokrazija parlamentari vera jintlaħaq billi jinbidel il-mod kif il-vot jiġi interpretat u msarraf f’siġġijiet. Nibqgħu bl-istess numru ta’ distretti u deputati, u nżommu l-istess prinċipju proporzjonali tal-vot trasferibbli. Naqtgħu biss id-difetti li jiġu mill-kwota mitlufa f’kull distrett.

Għalhekk, flok 1 minn kull 6 voti, il-kwota tibda tkun ta’ 1 minn kull 4.99 voti. Mid-distrett jitilgħu 4 deputati direttament (b’kollox 52) u ż-0.99 ta’ kwota voti li jibqa’, jitwarrbu biex jingħaddu fuq bażi nazzjonali. Il-voti mwarrba jammontaw għal 12.87 kwoti (medja) li jipproduċu 12-il siġġu ieħor lill-partiti skont il-proporzjon li jkollhom mill-voti mwarrbin. Dawn jintlew skont il-merti individwali tal-kandidati. L-aħħar siġġu, numru 65 jieħdu l-partit li jkollu l-iżjed voti mill-aħħar lot ta’ 0.87 ta’ kwota.

Dan il-metodu jelimina l-bżonn ta’ aġġustamenti ineżatti mill-kostituzzjoni/qrati, għax jeskludi l-perversità u jkejjel kważi eżatt il-vot tar-rieda tal-poplu, bla ma jżid in-numru ta’ deputati bla bżonn. Ikejjel bl-akbar ġustizzja kull proporzjoni ta’ vot distrettwali u nazzjonali tal-partiti u individwi kontestanti kollha.

More in Ittri