Jisparaw bl-addoċċ fis-siġar tal-frott
minn Reginald Borg, Victoria
Prosit tad-dibattiti tajba li qed tagħlmlu favur il-vot tal-LE. Nixtieq tippermettili nressaq punt li forsi tistgħu tgħidu xi ħaġa dwaru meta tkunu qed tiddiskutu jew tiddibattu matul din il-kampanja.
Jiena bidwi u bħal ħafna bdiewa oħra bħali fi żmien il-kaċċa, aħna l-bdiewa nitilfgħu l-kontroll tal-għelieqi tagħna. Tal-FKNK iridu jbellgħuha lill-poplu li l-kampanja hija ta’ kulħadd. Din hija gidba kbira min-naħa tagħhom. Il-kaċċaturi jidhrilhom li għax għandhom l-arma f’idejhom u libsin il-camouflage jistgħu jidħlu ġol-għelieqi tagħna donnu b’xi dritt. Anke aħna l-bdiewa fi żmien il-kaċċa nitilfu l-għelieqi tagħna.
Ma jiddejqu xejn jisparaw bl-addoċċ ġos-siġar tal-frott, fid-direzzjoni tas-serer fejn jitkisser il-ħġieġ u jitqatta’ l-plastik, jisparaw mal-art u hekk itaqbulna s-sistemà ta’ pajpijiet tad-drip li jkollna biex insaqqu l-prodotti u l-biċċa xogħol kbira u ħafna spejjeż biex tibdilhom. Barra minn hekk ħafna prodotti jiġu mgħaffġa u mkissra mill-klieb u bis-saqajn tal-kaċċaturi. U ara ma tażżardax tkellimhom għax jivvendikawk qisu xejn. Jien meta bil-kelma s-sewwa għidt lil wieħed kaċċatur li ma nieħux pjaċir min jirfisli fil-prodotti kellimni ħażin u ftit ġranet wara sibt ħafna ħsarat fl-għalqa tiegħi. Jien ċert li ħafna bdiewa oħra bħali jgħaddu mill-istess problem – aħna nitkellmu ma’ xulxin. Ikollok tigdem ilsienek u ssoffri il-kwiet. Xi wħud mill-bdiewa bħali nrabbu ħafna qtates fl-għelieqi tagħna. Jien ġieli kelli għoxrin wieħed biex jaqbdu l-ġrieden, imma fi żmien il-kaċċa nsibu ħafna qtates mejtin għax jisparaw għalihom.
Jien Għawdxi u nibqa’ skantat u ċċassat kif ġejna invaduti bil-kaċċaturi Maltin. Il-kaċċaturi Għawdxin naqsu ħafna u jkolli ngħid li tliet kwarti tal-kaċċaturi li jkun hemm Għawdex huma Maltin. Naħseb li tafu wkoll li dawk il-firem tal-petizzjoni tagħhom ġabruhom billi kienu jmorru fil-każini u klabbs u jintimidaw lil dawk li jkun hemm preżenti biex jiffirmalhom.